Location via proxy:   [ UP ]  
[Report a bug]   [Manage cookies]                
Aqbeż għall-kontentut

Abu Mena

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Fdalijiet ta' kumpless reliġjuż f'Abu Mena.

Abu Mena (spellut ukoll Abu Mina; bil-Koptiku: ⲁⲃⲃⲁ ⲙⲏⲛⲁ; bl-Għarbi: أبو مينا, pronunzjata [æbuˈmæyːnæ]) kien raħal, kumpless monastiku u ċentru tal-pellegrinaġġi Kristjani fl-Eġittu Antik Aħħari, li jinsab madwar 50 kilometru (31 mil) fil-Lbiċ ta' Lixandra, qrib il-belt ġdida ta' Borg El Arab. Il-fdalijiet tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979 minħabba l-importanza tas-sit fil-Kristjaneżmu bikri.[1] Ma tantx fadal wisq fdalijiet sħaħ, iżda l-pedamenti tal-biċċa l-kbira tal-binjiet ewlenin, bħall-bażilika l-kbira, jidhru faċilment.

Sforzi agrikoli reċenti fl-inħawi wasslu għal żieda sinifikanti fil-livell tal-ilma tal-pjan, u dan wassal biex għadd ta' binjiet tas-sit iċedu jew jitilfu l-istabbiltà tagħhom. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-periklu fl-2001. L-awtoritajiet b'hekk ġew obbligati jagħmlu r-ramel fil-bażi tal-binjiet li l-iktar kienu fil-periklu fi ħdan is-sit.

Menas ta' Lixandra miet martri fl-aħħar tas-seklu 3 jew fil-bidu tas-seklu 4.[2] Diversi ġrajjiet tas-seklu 5 jew wara jagħtu verżjonijiet kemxejn differenti dwar id-difna tiegħu u l-istabbiliment sussegwenti tal-knisja tiegħu. L-elementi essenzjali huma li l-katavru tiegħu ttieħed minn Lixandra fuq ġemel, lejn id-deżert lil hinn mil-Lag ta' Mareotis. F'daqqa waħda, il-ġemel irrifjuta li jkompli jimxi, minkejja l-isforzi kollha. Dan tqies bħala sinjal tar-rieda divina, u l-katavru tiegħu ġie midfun f'dak il-punt.

Il-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet tal-ġrajja jsostnu li l-pożizzjoni tal-qabar imbagħad intesiet sal-iskoperta mill-ġdid mirakoluża minn ragħaj lokali. Mis-Synaxarium Etjopjan (traduzzjoni mhux uffiċjali):

U Alla xtaq jiżvela l-post fejn kien midfun il-katavru ta' San Mînâs. Fid-deżert kien hemm ċertu ragħaj, u darba fost l-oħrajn waħda min-nagħġiet tiegħu mardet bl-iskabbja u marret f'dak il-post, u kif daħlet fl-ilma tal-fawwara żgħira li kien hemm fil-qrib, tqallbet fih u fieqet minnufih. Meta r-ragħaj ra x'kien ġara, u fehem il-miraklu, huwa baqa' mistagħġeb ferm. Imbagħad ħa ftit trab minn dak is-santwarju, ħalltu bl-ilma, dilku fuq in-nagħġiet morda bl-iskabbja, u kienu jfiequ minnufih. U kien jagħmel hekk anke mal-bnedmin morda li kienu jiġu għandu.

Il-monasteru Kristjan modern ta' San Menas, li jinsab fit-Tramuntana tas-sit antik.

Il-kelma dwar ir-ragħaj fejjieq inxterdet malajr. Is-Synaxarium jiddeskrivi lil Kostantinu I li bagħat lil bintu marida għand ir-ragħaj biex ifejjaqha, u jsostni li sabet il-katavru ta' Menas. Imbagħad Kostantinu ordna l-kostruzzjoni ta' knisja f'dak is-sit. Xi verżjonijiet tal-ġrajja jissostitwixxu lil Kostantinu mal-Imperatur Żenu tal-aħħar tas-seklu 5, iżda l-arkeologi jsostnu li l-pedamenti oriġinali jmorru lura għall-aħħar tas-seklu 4.[3][4] Sal-aħħar tas-seklu 4, is-sit sar sit sinifikanti tal-pellegrinaġġi magħruf bħala Martyroupolis, fejn il-Kristjani kienu jmorru għall-fejqan u għal mirakli oħra.[5][6] Ir-reċipjenti ta' Menas huma tip partikolari ta' anfori żgħar tat-terrakotta li kienu jinbigħu lill-pellegrini bħala reċipjenti għall-ilma mbierek jew għaż-żejt imbierek u dawn instabu b'mod mifrux madwar il-Punent tal-Mediterran, u jmorru lura bejn wieħed u ieħor għal seklu u nofs qabel il-ħakma Musulmana. Kellhom produzzjoni pjuttost sempliċi iżda kienu jiġu mmarkati b'immaġnijiet tal-qaddis li huma sinifikanti fl-istudju tal-ikonografiji; huwa maħsub li kienu jiġu prodotti fl-inħawi tar-raħal.[7][8]

Matul ir-renju ta' Arkadju, l-arċisqof lokali osserva li l-knisja ż-żgħira kienet żgħira wisq biex tibqa' tlaħħaq mal-folol. Huwa kiteb lill-imperatur tal-Lvant, li ordna t-tkabbir tal-faċilitajiet, li kien l-ewwel minn tliet fażijiet ta' tkabbir tal-knisja li seħħew eventwalment. Sal-aħħar tal-Antikità Aħħarija, Abu Mena kien sar is-sit ewlieni tal-pellegrinaġġi fl-Eġittu.[9]

Abu Mena nqered matul il-bidu tal-ħakmiet Musulmani ta' nofs is-seklu 7.

Skavi arkeoloġiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit ġie skavat għall-ewwel darba mill-1905 sal-1907. Dawn l-isforzi żvelaw bażilika kbira, knisja biswit fejn x'aktarx kien indifen il-katavru tal-qaddis, u banjijiet Rumani.[10]

Iktar 'il quddiem, saru sensiela ta' skavi mid-DAI li ntemmu fl-1998. L-iżjed skavi reċenti żvelaw dormitorju kbir għall-pellegrini foqra, b'sezzjonijiet separati għall-irġiel kif ukoll għan-nisa u għat-tfal. Kumpless lejn in-Nofsinhar tal-bażilika l-kbira x'aktarx li kien ir-residenza tal-hegoumenos jew tal-patri superjuri. L-iskavi jissuġġerixxu li l-xenodocheion il-kbira, żona fejn kienu jintlaqgħu l-pellegrini, oriġinarjament jaf kienet ċimiterju. Battisterju, biswit is-sit tal-knisja oriġinali, milli jidher kienu sarulu mill-inqas tliet fażijiet ta' żvilupp. Ġie żvelat ukoll kumpless ta' preses tal-għeneb għall-inbid, inkluż kmamar taħt l-art għall-ħżin, li jmorru lura għas-sekli 6 u 7.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Abu Mena ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Is-sit ta' Abu Mena żdied fil-lista tas-siti fil-periklu tal-UNESCO fl-2001 minħabba t-theddida taż-żieda fil-livell lokali tal-ilma tal-pjan. Din iż-żieda fil-livell tal-ilma hija minħabba l-programmi ta' żvilupp agrikolu mmirati lejn l-irkupru tal-art. Il-ħamrija taflija iebsa madwar is-sit tista' tirfed il-binjiet meta tkun niexfa. Madankollu, ma tibqax stabbli ladarba tixxarrab u dan wassal għaċ-ċediment ta' ċisterni u strutturi oħra madwar ir-raħal antik. Maċ-ċediment tal-art, hemm it-theddida li jiffurmaw ħofor kbar taħt l-istrutturi.

Ittieħdet azzjoni immedjata biex dawn il-ħofor fil-bażi ta' binjiet partikolarment importanti jimtlew bir-ramel u ngħalqu għall-pubbliku. F'tentattivi biex tinstab soluzzjoni għal dan il-fenomenu, il-Kunsill Suprem tal-Antikitajiet nefaq 45 miljun lira Eġizzjana għat-tħaffir ta' trunċieri u għaż-żieda ta' pompi, bit-tama li tittaffa l-pressjoni tal-irrigazzjoni. Barra minn hekk, żdied ċint madwar is-sit biex jimblokka l-aċċess għall-pubbliku. Dawn l-azzjonijiet kienu ta' suċċess u s-sit tneħħa mil-lista tas-siti fil-periklu tal-UNESCO fl-2009.[11]

Minn dak iż-żmien, il-livell tal-ilma tal-pjan baqa' tiela' u dan ikkawża l-qerda ta' xi monumenti oħra. B'hekk is-sit reġa' żdied fil-lista tas-siti fil-periklu tal-UNESCO. Fost il-fatturi li fl-2018 instab li kellhom impatt negattiv fuq is-sit hemm l-abitazzjonijiet, l-attivitajiet tal-immaniġġjar, is-sistemi/il-pjan tal-immaniġġjar tas-sit, u l-ilma.

Konservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-gvern Eġizzjan implimenta pjanijiet ta' emerġenza u tabilħaqq solva l-problema taż-żieda fil-livell tal-ilma tal-pjan, iżda attwalment il-gvern ma għandux pjan rigoruż tal-immaniġġjar tas-sit jew xi ħaġa relatata. Peress li l-UNESCO tirrikjedi pjan ta' ġestjoni għas-siti kulturali u naturali kollha, saru diversi proposti. L-iżjed opzjoni affidabbli hi l-użu ta' membrana sostenibbli u intelliġenti. Din ġiet iddisinjata biex jissolvew il-kwistjonijiet marbuta mal-ventilazzjoni, mal-enerġija u mal-ilma fis-sit. Dan il-pjan jinvolvi membrana intelliġenti b'għamla ta' koppla, li permezz tagħha s-sit ikollu fluss xieraq tal-arja (kif inhu meħtieġ għal kull Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO). Din il-membrana intelliġenti b'għamla ta' koppla tipprovdi wkoll provvista tal-enerġija sostenibbli awtosuffiċjenti permezz ta' pannelli solari fuq is-saff ta' barra tal-koppla. Il-membrana hija ddisinjata wkoll biex ikollha sistema ta' filtrazzjoni għad-deumidifikazzjoni tal-arja billi l-ilma jiġi ffiltrat 'il barra biex is-sit jiġi ppreservat aħjar.

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Abu Mena". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-11.
  2. ^ Room, Adrian (2008). African placenames : origins and meanings of the names for natural features, towns, cities, provinces, and counties. Internet Archive. Jefferson, N.C. : McFarland & Co. ISBN 978-0-7864-3546-3. p. 16.
  3. ^ Grossmann, Peter (1998). "The Pilgrimage Center of Abû Mînâ". in D. Frankfurter (ed.), Pilgrimage & Holy Space in Late Antique Egypt. Leiden-Boston-Köln, Brill: p. 282.
  4. ^ "Record | The Cult of Saints". csla.history.ox.ac.uk. Miġbur 2023-10-11.
  5. ^ Talbot, Alice-Mary (2002). "Pilgrimage to Healing Shrines: The Evidence of Miracle Accounts". Dumbarton Oaks Papers. Dumbarton Oaks, Trustees for Harvard University. 56: 153–173.
  6. ^ Armstrong, Gregory T. (1967). "Constantine's Churches". Gesta. International Center of Medieval Art. 6: 1–9.
  7. ^ Anderson, William. An Archaeology of Late Antique Pilgrim Flasks, Anatolian Studies, Vol. 54, (2004), pp. 79-93, British Institute at Ankara.
  8. ^ Bagnall, Roger S. (2001). "Archaeological Work on Hellenistic and Roman Egypt, 1995–2000". American Journal of Archaeology. Archaeological Institute of America. 105 (2): 227–243.
  9. ^ Weitzmann, Kurt (1977). "The Late Roman World". The Metropolitan Museum of Art Bulletin. The Metropolitan Museum of Art. 35 (2): 2–96.
  10. ^ Wilber, Donald N. (1940). "The Coptic Frescoes of Saint Menas at Medinet Habu". The Art Bulletin. College Art Association. 22 (2): 86–103.
  11. ^ Ramadan, Ragab (2011-11-09). "Funding issues threaten preservation of Christian sanctuary" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-11.