Location via proxy:   [ UP ]  
[Report a bug]   [Manage cookies]                
Aqbeż għall-kontentut

Alex Ferguson

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Sir Alex Ferguson
Informazzjoni personali
Isem sħiħSir Alexander Chapman Ferguson
Twelid31 ta' Diċembru 1941 (1941-12-31) (82 sena)
Glasgow, Skozja
RwolAttakkant
Mixtliet
Harmony Row Boys Club
Drumchapel Amateurs
Karriera professjonali
SninKlabb
1957–1960Queen's Park
1960–1964St. Johnstone
1964–1967Dunfermline Athletic
1967–1969Rangers
1969–1973Falkirk
1973–1974Ayr United
Timijiet ikkowċjati
1974East Stirlingshire
1974–1978St. Mirren
1978–1986Aberdeen
1985–1986Skozja
1986–2013Manchester United

Alexander Chapman Ferguson, magħruf aktar bħala Sir Alex Ferguson (twieled fil-31 ta' Diċembru 1941) huwa eks-kowċ u plejer tal-futbol Skoċċiż li mexxa lil Manchester United bejn l-1986 u l-2013. Iż-żmien tiegħu mal-klabb wasslu biex Ferguson jiġi meqjus bħala wieħed mill-aktar kowċis ammirati u rispettati fl-istorja tal-logħba.

Hu hu l-aktar kowċ li serva lill-klabb fl-istorja, fejn ħa dan ir-rekord mingħand Sir Matt Busby nhar id-19 ta' Diċembru 2010, fejn eventwalment kompla iktar minn 26 sena u nofs fit-tmun tal-klabb. Fl-1999 ġie nominat bħala kavallier għas-servizzi tiegħu favur il-logħba tal-futbol.

Nhar it-8 ta' Mejju 2013, Ferguson ħabbar l-intenzjonijiet tiegħu li jirtira fi tmiem l-istaġun.[1] Fis-26 sena mal-klabb hu rebaħ 38 trofew, fosthom 13-il Premier League u żewġ titli tal-UEFA Champions League.

Imwieled lil Alexander Beaton Ferguson u lil Elizabeth Hardie, Ferguson kien ġej minn familja ta' ħaddiema. Hu twieled ġod-dar ta' nanntu f'Govan, nhar il-31 ta' Diċemru 1941, però trabba f'dar fil-kera mal-ġenituri tiegħu u ma' ħuh iż-żgħir Martin.

Il-karriera ta' Ferguson bħala futboler bdiet ma' Queen's Park fejn iddebutta bħala attakkant ta' sittax-il sena. Minkejja li ddeskriva din l-ewwel logħba tiegħu bħala "inkubu"[2] hu xorta waħda skorja l-uniku gowl ta' Queen's Park fit-telfa ta' 2–1 kontra Stranraer. Minħabba li Queen's Park ma kienx tim professjonali hu kien jaħdem ukoll fit-tarzna ta' Clyde.

Minkejja li skorja 20 gowl f'31 logħba, xorta waħda ma setax iżomm post fiss mal-ewwel ħdax u fl-1960 ingħaqad ma' St. Johnstone. Il-vena ta' gowls li kien fiha baqgħet sejra mal-klabb il-ġdid, però xorta waħda baqa' nieqes minn logħob regulari u talab għal numru ta' drabi li jiġi ċedut. Fis-sajf tal-1964 hu ingħaqad ma' Dunfermline fejn sar futboler professjonali.

Fl-ewwel staġun tiegħu, Dunfermline kienu fost l-isfidanti ewlenin tal-kampjonat Skoċċiż u waslu sal-finali tat-Tazza Skoċċiża, però Ferguson ma ntgħażilx biex jigħlab wara prestazzjoni deludenti fil-konfront mill-kampjonat kontra St. Johnstone. Dunfermline tilfu l-finali 3–2 kontra Celtic, u naqsu li jirbħu l-kampjonat b'punt. L-istaġun 1965–66 ra lil Ferguson jiskorja 45 gowl f'51 logħba, fejn flimkien ma' Joe McBride ta' Celtic kien l-aqwa skorer tal-kampjonat b'31 gowl.

Wara ngħaqad ma' Rangers għas-somma rekord ta' £65,000. Fil-finali tat-Tazza Skoċċiża 1969, hu ngħata t-tort għal gowl li laqqtu wara li kien skjerat li jimmarka lill-kaptan ta' Celtic, Billy McNeill. Skont ħuh, Ferguson kien rema l-midalja tat-telliefa bid-dispjaċir li kellu. Finalment ħalla l-klabb biex ingħaqad ma' Falkirk, minkejja interess qawwi minn Nottingham Forest (trasferiment li sfaxxa minħabba li l-mara tiegħu ma kinitx interessata li tmur tgħix l-Ingilterra). Hemmhekk hu ġie promoss fi rwol ta' plejer-kowċ, rwol li baqa' jżomm sal-wasla ta' John Prentice bħala kowċ li neħħa din ir-responsabbilità minn Ferguson. Ir-reazzjoni ta' Ferguson kienet rikjesta għal trasferiment, u finalment ingħaqad ma' Ayr United sakemm temm il-karriera tiegħu ma' dan l-istess klabb fl-1974.

F'Ġunju tal-1974, Ferguson ġie maħtur bħala kowċ ta' East Stirlingshire fl-età ta' 32 sena. Dan ma kienx xogħol fiss fejn kien jingħata paga ta' £40 fil-ġimgħa. Ma' dan il-klabb kabbar reputazzjoni ta' persuna dixxiplinarja u r-riżultati tat-tim tjiebu b'mod konsiderevoli.

F'Ottubru ta' wara, Ferguson ġie mistieden biex iħarreġ lil St. Mirren. Minkejja li dawn tal-aħħar kienu jinsabu wara East Stirlingshire fil-kampjonat, dawn kienu klabb ikbar u Ferguson iddeċieda li jieħu x-xogħol ta' kowċ ta' St. Mirren. Ferguson għamel erba' snin (1974–1978) mat-tim mill-Punent tal-Iskozja. Hu ttrasforma t-tim minn wieħed li jimmilta f'nofs it-Tieni Diviżjoni għal ċampjins tal-Ewwel Diviżjoni fl-1977, bi skwadra li l-età medja kienet biss ta' 19-il sena. St. Mirren saru l-ewwel klabb li taw ir-riżenja lil Ferguson, fejn minkejja li ressaqhom quddiem it-tribunal għal tkeċċija inġusta hu tilef il-każ. Matul il-kawża, ċ-ċermen ta' St. Mirren, Willie Todd, kien stqarr li Ferguson "m'għandux abilitajiet ta' ikkowċjar".

Ferguson ingħaqad ma' Aberdeen f'Ġunju tal-1978. Minkejja li Aberdeen kienu wieħed mill-akbar klabbs fl-Iskozja, huma rebħu l-kampjonat darba biss, fl-1955 taħt Dave Halliday. It-tim kien jinsab f'vena tajba fejn kien imbattibbli fil-kampjonat minn Diċembru wara li kien spiċċa t-tieni fil-kampjonat fl-istaġun preċedenti. Minħabba l-età ta' Ferguson, hu bata' biex jirbaħ ir-rispett ta' ċerti plejers. L-istaġun ftit li xejn poġġa tbissim fuq il-ħluq hekk kif Aberdeen laħqu s-semifinali tat-Tazza Skoċċiża u l-finali tal-League Cup Skoċċiża (li tilfuhom it-tnejn li huma) u spiċċaw ir-raba' fil-kampjonat.

Aberdeen tilfu wkoll il-finali tal-League Cup 1979–80, din id-darba kontra Dundee United, fejn Ferguson ħa t-tort hu għat-telfa, fejn stqarr li kellu jagħmel tibdiliet fit-tim għar-ripetizzjoni tal-finali.

Aberdeen bdew l-istaġun ħażin, però l-forma tagħhom qalbet drastikament fil-bidu tas-sena l-ġdida u rebħu l-kampjonat b'rebħa ta' 5–0 fl-aħħar ġurnata. Din kienet l-ewwel darba fi ħmistax-il sena li l-kampjonat ma ntrebaħx minn Rangers jew Celtic. Grazzi għal din ir-rebħa Ferguson ħass li kien kiseb ir-rispett tal-plejer: "Din kienet il-kisba li għaqqditna. Finalment kelli l-plejers jemmnu fija".[3]

Il-karattru dixxiplinarju baqa' xorta waħda evidenti, u l-plejers kienu laqqmuh bħala Furious Fergie. It-tim baqa' jimpressjona u rebaħ it-Tazza Skoċċiża fl-1982. Ferguson ġie offrut il-post ta' kowċ ma' Wolves, imma rrifjuta hekk kif ħass li Wolves kienu jinsabu fil-problemi u "l-ambizzjonijiet [tiegħu] ma' Aberdeen kienu għadhom lanqas nofshom sodisfatti".[4]

Ferguson mexxa lit-tim ta' Aberdeen għal iktar suċċessi fl-istaġun suċċessiv. Grazzi għar-rebħa preċedenti tat-Tazza Skoċċiża huma kkwalifikaw għat-Tazza tat-Tazez Ewropej, u rnexxielhom jeliminaw lil Bayern Munich, li fir-rawnd ta' qabel kien għelbu lil Tottenham Hotspur 4–1. Aberdeen sa waslu sal-finali u fil-11 ta' Mejju, 1983, ikkontestaw il-finali kontra Real Madrid fejn rebħuha 2–1. Aberdeen saru t-tielet tim Skoċċiż (u l-aħħar wieħed, s'issa) li rebħu tazza Ewropea. Aberdeen komplew sejrin tajjeb fil-kampjonat u żammew it-Tazza Skoċċiża b'rebħa fuq Rangers 1–0, minkejja li Ferguson ftit li xejn kien kuntent bil-prestazzjoni, fejn iddeskriviha l-logħba tal-plejers bħala "prestazzjoni vergonjuża" (kumment li aktar tard irtira).

Wara bidu fqir fl-istaġun 1983–84, il-forma tat-tim tjiebet u huma rebħu l-kampjonat u għal darb'oħra rebħu t-Tazza Skoċċiża. Fl-1984, Ferguson ġie onorat bl-OBE,[5] u rċieva numru ta' offerti biex jikkowċja diversi timijiet. Fl-istaġun 1984–85 żammew it-titlu tal-kampjonat f'idejhom, imma kellhom jikkuntentaw bir-raba' post fl-1985–86 minkejja li rebħu ż-żewġ tazzi domestiċi. Ferguson ġie maħtur fil-bord tad-diretturi tal-klabb kmieni fl-1986, imma f'April ta' wara hu qal liċ-ċermen Dick Donald li kien intiż li jitlaq fis-sajf.

Ferguson kien parti mill-istaff tekniku tat-tim nazzjonali Skoċċiż matul il-fażi ta' kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 1986, imma l-kowċ Jock Stein kellu kollass u miet fl-10 ta' Settrmbru, 1985. Ferguson mill-ewwel ħa f'idejh it-tim Skoċċiż matul it-Tazza tad-Dinja.

Matul dan iż-żmien, Tottenham Hotspur offrew lil Ferguson iċ-ċans li jieħu post Peter Shreeves bħala kowċ, imma rrifjuta u minflok postu ħadu David Pleat. Offerta oħra waslet mingħand Arsenal, però għal darb'oħra rrifjuta u l-konnazzjonali George Graham ħa din il-kariga.[6]

Dak is-sajf, kien hemm xniegħat li hu kien se jieħu post Ron Atkinson ma' Manchester United, li kienu għadhom kif waqgħu fir-raba' post fl-ogħla diviżjoni Ingliż. Minkejja li Ferguson baqa' ma' Aberdeen matul is-sajf, eventwalment ingħaqad ma' Manchester United meta Atkinson ġie mkeċċi f'Novembru 1986.

Manchester United

[immodifika | immodifika s-sors]

Ferguson ġie maħtur kowċ f'Old Trafford fis-6 ta' Novembru, 1986. Għall-bidu kien inkwetat bil-fatt li ħafna plejers, bħal Norman Whiteside, Paul McGrath u Bryan Robson kienu qed jixorbu ħafna u kien "depress" bil-livell atletiku tagħhom, imma rnexxielu jnissel sens ta' dixxiplina qalb il-plejers u United qabżu fil-klassifika biex spiċċaw fil-ħdax-il post, wara li kienu fil-21 post (ta' qabel tal-aħħar) meta ħa lit-tim f'idejh.

L-ewwel logħba tiegħu kienet telfa ta' 2–0 kontra Oxford United fit-8 ta' Novembru, segwita minn pari ta' mingħajr gowls kontra t-tim promoss ta' Norwich City, u l-ewwel rebħa waslet fit-22 ta' Novembru, 1–0 kontra QPR. Ir-riżultati bdew imorru għall-aħjar u kien jidher biċ-ċar li United kienu fit-triq t-tajba. L-istaġun ta' wara spiċċaw il-kampjonat fil-ħdax-il post.

Ferguson sofra minn traġedja personali tliet ġimgħat biss wara l-ħatra tiegħu bil-mewt ta' ommu Elizabeth kawża ta' kanċer fil-pulmun fl-età ta' 64 sena.

Minn Aberdeen, Ferguson ġab lil Archie Knox bħala l-assistent tiegħu (Knox kopra l-istess rwol meta Ferguson kien ma' Aberdeen). Fl-istaġun 1987–88, Ferguson xtara numru ta' plejers fosthom Steve Bruce, Viv Anderson, Brian McClair u Jim Leighton. Il-plejers il-ġodda għenu mhux ftit lil United jispiċċaw fit-tieni post, disa' punti taħt ir-rivali Liverpool.

Il-United kienu mistennija li jmorru tajjeb meta Mark Hughes irritorna lura mal-klabb wara sentejn, imma l-istaġun 1988–89 kien wieħed diżappuntanti, bil-ħdax-il post fil-kampjonat u eliminazzjoni fis-sitt rawnd fl-FA Cup. Wara bidu bil-mod li rahom imorru disa' partiti mingħajr rebħa bejn Ottubru u Novembru, it-tim irkupra u kien jinsab fit-tielet post u qalb il-ġlieda għar-rebħ tat-titlu f'nofs Frar. Madanakollu, serje ta' riżultati negattivi fl-aħħar kwart tal-istaġun rahom jinżlu f'nofs il-klassifika.

Għall-istaġun 1989–90, Ferguson tejjeb l-iskwadra billi ħallas somom kbar ta' flus għall-midfilders Neil Webb, Mike Phelan u Paul Ince, u kif ukoll id-difensur Gary Pallister u l-ġwejnħa Danny Wallace. L-istaġun beda tajjeb b'rebħa ta' 4–1 kontra d-difensuri tat-titlu Arsenal, imma r-riżultati bdew jiddiżappuntaw. F'Settembru, il-United sofrew telfa umiljanti ta' 5–1 barra minn darhom kontra r-rivali eterni Manchester City. Wara din, u serje ta' sitt telfiet u żewġ pari fi tmien partiti, il-partitarji bdew juru l-iskuntentizza tagħhom u bdew jitolbu għat-tkeċċija tiegħu.

Madanakollu, Ferguson iktar tard żvela li l-bord tad-diretturi assigurawh li ma kienux qed jikkunsidraw li jneħħuh minn postu. Minkejja li kienu diżappuntati bin-nuqqas ta' suċċess fil-kampjonat, huma fehmu r-raġunijiet wara r-riżultati deludenti (fosthom l-assenza ta' plejers importanti minħabba problemi fiżiċi) u kienu kuntenti bil-mod kif Ferguson reġa' organizza l-klabb.

Wara seba' partiti mingħajr rebħa, Manchester United ġew magħżula biex jaffrontaw lil Nottingham Forest fit-tielet rawnd tal-FA Cup. Forest kienu qed jigħabu tajjeb dak l-istaġun u kienu fi triqithom lejn ir-rebħ tal-League Cup għat-tieni sena infila, u kien mistenni li United jitilfu b'Ferguson jiġi mkeċċi. Madanakollu, United rebħu 1–0 grazzi għal gowl ta' Mark Robins u suċċessivament waslu sal-finali. Din ir-rebħa hija deskritta minn ħafna bħala l-partita li salvat il-post ta' Ferguson f'Old Trafford, minkejja li dan l-għajdut ġie negat numru ta' drabi.[7][8] United rebħu l-finali kontra Crystal Palace, fejn taw lil Ferguson l-ewwel trofew bħala kowċ ta' Manchester United.

L-ewwel kampjonat
[immodifika | immodifika s-sors]

Minkejja li l-prestazzjoni tat-tim tjiebet matul l-istaġun 1990–91, it-tim kien xorta waħda mhux konsistenti u spiċċa fis-sitt post. Riżultat pożittiv għal dak l-istaġun kienet ir-rebħa ta' 6–2 fuq Arsenal ġewwa Highbury, però kien hemm ukoll it-telfa kbira ta' 4–0 kontra Liverpool f'Anfield u t-telfa ta' 2–0 kontra Everton fil-bidu ta' Marzu (partita li mmarkat id-debutt għal tfajjel ta' sbatax-il sena bl-isem ta' Ryan Giggs).

Anke wara r-rebħ tal-FA Cup fl-istaġun preċedenti, kien hemm xorta waħda d-dubji fuq l-abbilitajiet ta' Ferguson li jirnexxi fejn kowċis oħrajn wara Busby fallew – dak li jirbħu l-kampjonat. Huma kienu finalisti telliefa tal-League Cup, wara li tilfu 1–0 kontra Sheffield Wednesday. Huma waslu wkoll sal-finali tat-Tazza tat-Tazez Ewropej u għelbu liċ-ċampjins Spanjoli Barcelona 2–1. Wara din il-logħba, Ferguson kien wiegħed li l-istaġun segwenti kien se jġib it-titlu tal-kampjonat Old Trafford.

Fl-1991, l-assistent ta' Ferguson Archie Knox telaq biex ingħaqad bħala assistent għal Walter Smith ma' Rangers. Postu ħadu l-kowċ tat-tim taż-żgħar Brian Kidd. Ferguson kiseb ukoll il-firma tal-gowlkiper Peter Schmeichel u d-difensur Paul Parker. Qabel l-istaġun kien hemm ukoll stennija għall-andament taż-żgħażugħ Ryan Giggs, li kien diġà lagħab darbtejn u skorja darba fl-istaġun 1990–91, u kif ukoll għal żgħażugħ ieħor, Lee Sharpe, li minkejja l-età tenera tagħhom kienu waqqfu lil Ferguson milli jfittex fis-suq għal sostitut adegwat għad-diżappuntati Danny Wallace. It-tisħieħ tal-iskwadra tkompla bl-akkwist tal-Ukren Andrei Kanchelskis fuq il-faxxa leminija.

Madanakollu, l-istaġun 1991–92 ma mexiex skont il-pjanijiet. United rebħu l-League Cup u s-Super Cup għall-ewwel darba, imma tilfu l-kampjonat għad-danni tar-rivali Leeds United wara li għal biċċa l-kbira tal-istaġun kienu qegħdin jiggwidawh. Nuqqas ta' gowls u telfien ta' punti kontra timijiet li magħhom kienu mistennija li jirbħu matul it-tieni nofs tal-kampanja kienu biżżejjed biex United jitilfu t-titlu.

Lejn il-bidu tal-istaġun segwenti, Ferguson kien qiegħed ifittex attakkant ġdid. Għall-bidu prova jikseb il-firma ta' Alan Shearer minn Southampton, però tilef il-ġlieda ma' Blackburn Rovers. Fl-aħħar, hu ħallas £1 miljun għall-attakkant ta' Cambridge United Dion Dublin, li kellu jkun l-uniku akkwist tiegħu.

Wara bidu bil-mod fl-istaġun 1992–93, fejn United kienu l-10 post sal-bidu ta' Novembru, kien qiegħed jidher li t-tim kien għal darb'oħra se jiddeludi. Madanakollu, l-akkwist tal-attakkant Franċiż Eric Cantona minn Leeds United għas-somma ta' £1.2 miljun, ta nifs ġdid lill-futur ta' Manchester United. Cantona ifforma koppja b'saħħitha ma' Mark Hughes u wassal lill-klabb sal-quċċata tal-klassifika, biex b'hekk temmew is-26 sena ta' stennija biex jirbħu l-kampjonat, u saru wkoll l-ewwel klabb rebbieħ tal-Premier League. United spiċċaw b'10 punti vantaġġ fuq Aston Villa, u Ferguson ġie vvutat bħala l-Kowċ tas-Sena.

Żewġ doppjetti
[immodifika | immodifika s-sors]

L-istaġun 1993–94 ġab iktar suċċessi. Ferguson xtara lill-midfilder ta' 22 snin Roy Keane minn Nottingham Forest għas-somma rekord ta' £3.75 miljun bħala sostitut għal Bryan Robson, li kien riesaq lejn tmiem il-karriera tiegħu. Il-United iggwidaw il-kampjonat mill-bidu sal-aħħar, b'Cantona jispiċċa l-aqwa skorer b'25 gowl f'kull kompetizzjoni minkejja li kien imkeċċi darbtejn fi spazju ta' ħamest ijiem f'Marzu tal-1994. United avvanzaw ukoll sal-finali tal-League Cup imma tilfu 3–1 kontra Aston Villa. Fil-finali tal-FA Cup, Manchester United rebħu bl-iskor kbir ta' 4–0 lit-tim ta' Chelsea u taw lil Ferguson it-tieni doppjetta tiegħu ta' trofej, wara dik merbuħa ma' Aberdeen lura fl-1984–85.

Fl-aħħar tal-istaġun, Ferguson iffirma lil David May għas-somma ta' £1.2 miljun minn Blackburn. Il-kampanja 1994–95 kellu jkun iktar diffiċli għal Ferguson. Cantona attakka lil partitarju ta' Crystal Palace waqt konfront f'Selhurst Park, u kien jidher li kien se jħalli l-futbol Ingliż. Sospensjoni ta' tmien xhur rat lil Cantona jitlef l-aħħar erba' xhur tal-istaġun. Fuq nota pożittiva, United ħallsu s-somma rekord ta' £7 miljun għall-attakkant prolifiku ta' Newcastle, Andy Cole, biż-żgħażugħ Keith Gillespie jimxi n-naħa l-oħra. Dan l-istaġun ra wkoll liż-żgħażagħ Gary Neville, Nicky Butt u Paul Scholes jiġu nvoluti f'diversi logħbiet fejn ċerti assi tal-iskwadra kienu neqsin.

Madanakollu, it-titlu tal-kampjonat ma baqax Old Trafford wara li fl-aħħar ġurnata ġabu biss pari ta' 1–1 kontra West Ham United meta rebħa kienet tagħtihom it-tielet titlu konsekuttiv. United tilfu wkoll il-finali tal-FA Cup bl-iskor ta' 1–0 kontra Everton.

Ferguson ġie kkritikat fis-sajf tal-1995 meta tliet pedini tal-iskwadra tħallew jitilqu bl-ebda sostituti adegwati ma jinstabu. L-ewwel Paul Ince issieħeb ma' Inter Milan tal-Italja għas-somma ta' £7.5 miljun, Mark Hughes ġie mixtri minn Chelsea għal £1.5 miljun, u Andrei Kanchelskis ġie mibjugħ lil Everton. Minkejja li kien hemm għajdut li l-United kienu interessati li jakkwistaw numru ta' plejers bħal Darren Anderton, Marc Overmars u anki Roberto Baggio, il-bidu tal-istaġun 1995–96 ma ġie immarkat bl-ebda akkwist. Kien mifhum li Ferguson kien lest li jagħti ċ-ċans liż-żgħażagħ jimpressjonaw mal-ewwel tim. Dawn iż-żgħażagħ, li aktar tard saru magħrufa bħala "Fergie's Fledglings", kienu jinkludu lil Gary Neville, Phil Neville, David Beckham, Paul Scholes u Nicky Butt.

Meta United tilfu l-ewwel logħba tal-istaġun 1995–96, 3–1 kontra Aston Villa, l-istampa mal-ewwel ikkritikat lil Ferguson minħabba li l-iskwadra tiegħu kellha wisq plejer żgħar ta' bla esperjenza. Il-ġurnalist Alan Hansen sa kien wasal biex stqarr li "ma tista' tirbaħ xejn bit-tfal".[9]

Madanakollu, il-plejers żgħażagħ impressjonaw u United rebħu l-ħames partiti ta' wara. Ir-ritorn ta' Cantona mis-sospensjoni kien inċentiv, imma sal-Milied tal-1995 kienu jinsabu 10 punti taħt Newcastle United. Rebħa ta' 2–0 kontra t-Tynesiders fis-27 ta' Diċembru, naqqset id-distakk għal seba' punti u rebħa oħra kontra QPR reġgħet naqqset id-distakk għal erba' punti. Però, telfa ta' 4–1 kontra Tottenham nhar l-Ewwel tas-Sena 1996 u pari ta' mingħajr gowls kontra Aston Villa wassal għall-Magpies biex jerġgħu jwessgħu d-distakk u kien jidher biċ-ċert li t-titlu kien sejjer lejn Newcastle. Serje ta' riżultati pożittivi minn nofs Jannar 1996 ra d-distakk jonqos, u meta United rebħu 1–0 fl-4 ta' Marzu barra minn darhom kontra Newcastle United, id-distakk spiċċa biss ta' punt.

Wara din ir-rebħa, United laħqu l-quċċata tal-klassifika grazzi wkoll għall-forma negattiva ta' Newcastle li baqgħu jitilfu punti f'logħbiet kruċjali. Is-suċċess fil-Premier League ġie ikkonfermat fl-aħħar ġurnata, meta għelbu lil tim ta' Middlesbrough ikkowċjat mill-kaptan veteran tal-United Bryan Robson, f'logħba li ntemmet 3–0.

Huma lagħbu kontra Liverpool fil-finali tal-FA Cup ta' dik is-sena, fejn rebħu 1–0 grazzi għal gowl ta' Cantona. B'hekk, Manchester United saru l-ewwel tim Ingliż li rrepetew is-suċċess tad-doppjetta tal-kampjonat u l-FA Cup.

L-istaġun 1996–97, Ferguson mexxa lil Manchester United għar-rebħ tarraba' titlu tal-Premier League f'ħames staġuni. Fil-ħarifa softew tliet telfiet konsekuttivi fejn sofrew 13-il gowl fil-passiv. B'sorpriża, huma tilfu woll ir-rekord ta' imbattibilità fl-Ewropa li kien ilu għal 40 sena kontra t-Torok ta' Fenerbahçe. Imma xorta waħda waslu sas-semifinali taċ-Champions League, però ġew eliminati minn Borussia Dortmund tal-Ġermanja. Fi tmiem l-istaġun, b'sorpriża, Cantona irtira mil-logħba tal-futbol. Dak l-istaġun ra l-bidu tal-avventura għal żewġ Norveġiżi – l-attakkant Ole Gunnar Solskjær (l-aqwa skorer tal-klab għal dan l-istaġun) u d-difensur Ronny Johnsen – li nxtraw b'somma minima hekk kif ftit li xejn kienu magħrufin barra l-Premier League.

Fil-bidu tal-istaġun 1997–98 Ferguon ġab lill-attakkant Ingliż Teddy Sheringham u d-difensur Henning Berg. Però, l-istaġun intemm mingħajr ebda trofej hekk kif tilfu l-kampjonat għad-danni tal-klabb ta' Arsenal immexxija mill-Franċiż Arsène Wenger. Wara bidu tajjeb li rahom jiggwidaw il-quċċata tal-kampjonat, fl-aħħar kwart tal-istaġun il-United sofrew minn serje ta' riżultati deludenti li minnha Arsenal ħadu vantaġġ. Fit-Tazza Ewropea, minkejja rebħa impressjonanti ta' 3–2 kontra Juventus fil-fażi tal-gruppi, huma ġew eliminati fil-kwarti tal-finali minn Monaco. Fl-FA Cup, wara rebħa barra minn darhom ta' 5–3 kontra Chelsea, ġew b'sorpriża kbira eliminati mit-tim ta' Barnsley, l-istess tim li f'dak l-istaġun spiċċa relegati mill-Premier League.

Fis-sajf tal-1998, Manchester United xtraw lill-attakkant Dwight Yorke, lid-difensur Olandiż Jaap Stam u l-ġwejnħa Żvediża Jesper Bomqvist għas-somma totali ta' madwar £30 miljun. F'Diċembru tal-1998, l-assistent ta' Ferguson Brian Kid aċċetta offerta sabiex jikkowċja lil Blackburn Rovers, u postu ħadu Steve McClaren. Ironikament, Blackburn ġew eliminati fl-aħħar ġurnata tal-istaġun wara riżultat ta' 0–0 kontra United.

L-istaġun 1998–99 kellu jkun l-istaġun tal-konsagrazzjoni ta' Ferguson hekk kif irnexxielu jirbaħ tripletta ta' trofej li kienet tinkludi l-Premier League, l-FA Cup u l-UEFA Champions League. L-istaġun kien ukoll ikkaratterizzat minn logħbiet dramatiċi. Fit-tieni leg tas-semifinali taċ-Champions League, United sofrew żewġ gowls barra minn darhom kontra Juventus. Madanakollu, ispirati minn Roy Keane (li aktar tard kellu jitlef il-finali), United irrimontaw u rebħu 3–2 sabiex waslu għall-ewwel finali tagħhom f'din il-kompetizzjoni mill-1968. Fis-semifinali tal-FA Cup, United affaċċjaw lir-rivali Arsenal u kien deher li dawn tal-aħħar kienu resqin għal rebħa wara t-tkeċċija ta' Keane u Arsenal ingħataw penalty fl-aħħar sekondi. Peter Schmeichel salva l-penalty, u fil-ħin barrani Ryan Giggs ġera tul il-grawnd u skorja dak li kellu jkun il-gowl rebbieħ. Fil-finali, għelbu lil Newcastle United grazzi għall-gowls ta' Teddy Sheringham u Paul Scholes. It-trijonf Ewropew kellu jkun l-iktar wieħed inkredibbli. Bl-arloġġ tal-finali jimmarka 90 minuta u b'United 1–0 minn taħt kontra Bayern Munich ġewwa n-Nou Camp f'Barċellona wara l-gowl minn frikik ta' Mario Basler, ir-referi ordna 3 minuti ta' ħin miżjud. Teddy Sheringham, li kien daħal bħala sostitut, skorja l-gowl tal-pari, u hekk kif deher li l-partita kienet sejra għall-ħin supplementari, Ole Gunnar Solskjær (li kien ukoll sostitut ieħor) skorja l-gowl rebbieħ.

Nhar it-12 ta' Ġunju, 1999, bħala rikonoxximent għas-servizzi lil-logħba tal-futbol Ferguson irċieva l-kavallirat.[10]

Tliet titli tal-kampjonat
[immodifika | immodifika s-sors]

Manchester United temmew l-istaġun 1999–2000 bħala ċampjins bi tmintax-il punt distakk, fejn sofrew biss tliet telfiet. F'April tas-sena 2000, ġie imħabbar li Manchester United ħallsu s-somma rekord ta' £18-il miljun għall-akkwist tal-attakkant Olandiż Ruud van Nistelrooy minn PSV Eindhoven. Madanakollu, it-trasferiment twaqqaf minħabba li van Nistelrooy falla test mediku, u hu rritorna lura lejn art twelidu qabel ma kellu jweġġa' rkopptejh li ħallietu barra għal sena.

Is-somma ta' £7.8 miljun li nħarġet għall-akkwist tal-gowlkiper Franċiż Fabien Barthez minn Monaco kienet rekord għal klabb Brittaniku, hekk kif United rebħu l-kampjonat biex saru r-raba' klabb fl-istorja li rebħu t-titlu tal-kampjonat għal tliet staġuni infila. Madanakollu, fil-kamp Ewropew il-United ġew eliminati għal darbtejn wara xulxin fil-kwarti tal-finali, l-ewwel minn Real Madrid (2000) u wara minn Bayern Munich (2001).

Fl-aħħar tal-istaġun 2000–01, Ruud van Nistelrooy issieħeb mal-iskwadra, u ftit wara Manchester United reġgħu kisru r-rekord tat-trasferiment Brittaniku bl-akkwist tal-midfilder offensiv Arġentin Juan Sebastián Verón minn ma' Lazio għal £28.1 miljun. Veron falla li jiġġustifika s-somma stravaganti li ntefqet fuqu u nbiegħ għas-somma ta' £15-il miljun lit-tim ta' Chelsea wara biss sentejn.

Bini mill-ġdid u t-tranżizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]

Wara biss żewġ logħbiet fl-istaġun 2001–02, id-difensur ċentrali Olandiż Jaap Stam ġie mibjugħ lil Lazio għal £16-il miljun. Ferguson issostitwixxieh bl-akkwist tal-Franċiż Laurent Blanc minn Inter. Qabel l-istaġun, Ferguson tilef ukoll l-assistent tiegħu Steve McClaren, b'dan tal-aħħar jingħaqad bħala kowċ ta' Middlesbrough, u postu ħadu temporanjament Jim Ryan.

Sat-8 ta' Diċembru, 2001, wara serje ta' riżultati negattivi li kienet tinvolvi rebħa waħda u sitt telfiet minn seba' logħbiet fil-kampjonat, Manchester United kienu jinsabu d-disa' fil-Premier League – 11-il punt taħt Liverpool. Però, minn nofs Diċembru sal-aħħar ta' Jannar, tmien rebħiet konsekuttivi raw lil Manchester United ipoġġu fil-quċċata tal-klassifika. Madanakollu, United kellhom jispiċċaw l-istaġun it-tielet hekk kif ir-rivali Arsenal kisbu t-titlu f'Old Trafford b'rebħa ta' 1–0 fil-ġurnata ta' qabel tal-aħħar tal-kampjonat.

United batew ukoll barra pajjiżhom, fejn tilfu s-semifinali tal-UEFA Champions League minħabba l-gowls barra minn darhom. Eliminazzjonijiet bikrija fil-League Cup u l-FA Cup fissru li l-istaġun spiċċa mingħajr trofej. Din kienet l-ewwel darba mill-1989 li United spiċċaw mingħajr ma kienu inkurunati rebbieħa jew finalisti telliefa (jew f'termini ta' kampjonat, fit-tieni post) f'kompetizzjoni.

L-istaġun 2001–02 kellu jkun l-aħħar wieħed ta' Ferguson bħala kowċ ta' Manchester United, b'Ferguson jammetti li d-deċiżjoni tiegħu li jħabbar l-irtirar tiegħu kienet ikkawżat effett negattiv fuq il-plejers u fuq l-abbilità tiegħu li jimponi d-dixxiplina.[11] Madanakollu, fi Frar tal-2002 hu qabel li jibqa' għal mill-inqas tliet snin oħra. Fl-aħħar tal-istaġun, il-klabb akkwista għas-somma rekord ta' £30 miljun id-difensur Rio Ferdinand minn ma' Leeds United.[12] Dak is-sajf, waslet ukoll il-ħatra ta' Carlos Quieroz bħala l-assistent il-ġdid ta' Ferguson.

Manchester United rebħu t-tmien titlu tal-Premier League, minkejja li xahrejn qabel it-tmiem Arsenal kienu jinsabu bi tmien punti vantaġġ fuq il-United. Però, serje ta' għaxar rebħiet (li kienu jinkludu r-rebħiet ta' 4–0 kontra Liverpool u s-6–2 kontra Newcastle United) wittew it-triq għar-rebħ tal-kampjonat.

Ferguson wassal lit-tim għall-ħdax-il trofew tal-FA Cup fi tmiem l-istaġun 2003–04, però din serviet biss ta' konsolazzjoni wara staġun deludenti li rathom jispiċċaw it-tielet (taħt tim ta' Arsenal imbattibbli) u sofrew eliminazzjoni fiċ-Champions League kontra Porto (rebbieħa eventwali tal-kompetizzjoni). Rio Ferdinand kien barra mil-logħob għall-aħħar erba' ġimgħat tal-istaġun hekk kif kien ingħata sospensjoni ta' tmien xhur wara li kien falla test tad-drogi. L-akkwisti l-ġodda bħal Eric Djemba-Djemba u José Kléberson kienu diżappuntanti, però f'dak l-istaġun kien sar l-akkwist ta' żgħażugħ promettenti Portugiż, Cristiano Ronaldo.

Fil-bidu tal-istaġun 2004–05, l-attakkant żagħżugħ Wayne Rooney inxtara għas-somma rekord għal plejer żagħżugħ ta' iktar minn £20 miljun. Minkejja dan, in-nuqqas ta' attakkant wara li van Nistelrooy kien qatta' parti kbira mill-istaġun imweġġa' ra lill-klabb jispiċċa fit-tielet post għat-tielet darba f'erba' staġuni. Dan kellu jkun wieħed mill-ftit staġuni mingħajr rebħ ta' trofej. Fl-FA Cup huma tilfu ma' Arsenal, waqt li fiċ-Champions League ġew eliminati fit-tieni rawnd minn Milan, u fil-League Cup ġew eliminati mir-rebbieħa eventwali Chelsea.

Meta n-negozjant Amerikan Malcolm Glazer ħa l-kontroll tal-klabb, għagħa kbira qamet fost il-partitarji li telfet il-preparazzjoni ta' Ferguson biex isaħħaħ l-iskwadra. Madankollu, xorta waħda rnexxielu jassigura l-firma tal-gowlkiper Edwin van der Sar minn Fulham u l-midfilder Korean Park Ji-Sung minn PSV.

Dan kellu jkun l-istaġun tat-tranżizzjoni. Fit-18 ta' Novembru, Roy Keane ħalla uffiċjalment il-klabb. United fallew li jaqbżu l-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League, u spiċċaw it-tieni fil-kampjonat wara ċ-ċampjins Chelsea. Fis-suq tat-trasferimenti ta' Jannar, Ferguson akkwista lid-difensur Serb Nemanja Vidić u lid-difensur xellugi Franċiż Patrice Evra. Ir-rebħ tal-League Cup serviet biss ta' konsolazzjoni, hekk kif fl-aħħar tal-istaġun telaq ukoll l-attakkant Ruud van Nistelrooy.

It-tieni trijonf Ewropew
[immodifika | immodifika s-sors]
Ferguson mal-eks-assistent kowċ Carlos Queiroz

Fl-2006, Michael Carrick inxtara bħala sostitut ta' Roy Keane għas-somma ta' £14-il miljun, somma li setgħet titla' għal £18.6 miljuni skont in-numru ta' preżenzi u r-riżultati miksuba. United bdew l-istaġun b'erba' rebħiet konsekuttivi, u mill-għaxar ġurnata tal-kampjonat qatt ma ċedew posthom fil-quċċata tal-klassifika. Nemanja Vidić u Patrice Evra, li kienu nxtraw matul Jannar tal-2006, kellhom rwol importanti fil-formazzjoni ta' difiża stabbli li kienet tinkludi lil Rio Ferdinand u Gary Neville. Il-firma ta' Carrick, minkejja li kienet ikkritikata, ġabet iktar stabilità f'nofs il-grawnd, fejn ifforma koppja siewja ma' Paul Scholes.

Ferguson iċċelebra l-għoxrin anniversarju mill-ħatra bħala kowċ ta' Manchester United fis-6 ta' Novembru, 2006. Fl-1 ta' Diċemru wasal l-akkwist taħt self tal-attakkant Żvediż Henrik Larsson, plejer li Ferguson kien ilu jammira għal numru ta' snin u li prova jiksbu qabel.[13] Fit-23 ta' Diċembru, 2006, Cristiano Ronaldo skorja l-2,000 gowl tal-klabb taħt il-gwida ta' Ferguson fil-konfront kontra Aston Villa.[14]

Sussegwentament, Manchester United rebħu d-disa' titlu tal-Premier League, però ġew miċħuda miċ-ċans li jiksbu r-raba' doppjetta meta gowl ta' Didier Drogba fil-finali tal-FA Cup ta r-rebħa liċ-Chelsea. Fiċ-Champions League, wara r-rebħa rekord ġewwa darhom ta' 7–1 kontra Roma, United kellhom ibaxxu rashom kontra Milan meta tilfu t-tieni leg tas-semifinali 3–0, wara r-rebħa ta' 3–2 fl-ewwel leg.

Għall-istaġun 2007–08, Ferguson għamel numru ta' akkwisti ġodda sabiex isaħħaħ l-iskwadra. Owen Hargreaves issieħeb mingħand Bayern Munich wara sena ta' negozjati. Ferguson ġab ukoll lill-ġwejnħa Portugiża Nani u l-midfilder offensiv Brażiljan Anderson. L-aħħar akkwist kien dak tal-attakkant Arġentin Carlos Tévez li temmet saga fuq it-trasferiment tiegħu.

United sofrew l-agħar bidu tal-istaġun taħt Ferguson meta kisbu żewġ punti mill-ewwel żewġ konfronti qabel ma sofrew telfa ta' 1–0 kontra r-rivali Manchester City. Madanakollu, il-United irkupraw u bdew il-ġlieda għat-titlu mal-Arsenal. Ferguson kien iddeskriva l-iskwadra preżenti bħala l-aqwa waħda li qatt kellu.[15]

Fis-16 ta' Frar, 2008, United għelbu 4–0 lil Arsenal fil-ħames rawnd tal-FA Cup, imma ġew eliminati b'mod kontroversjali fil-kwarti tal-finali mir-rebbieħa eventwali Portsmouth b'telfa ta' 1–0 ġewwa darhom. Fil-11 ta' Mejju, 2008, Ferguson wassal lill-klabb għar-rebħ tal-għaxar titlu tal-kampjonat, eżattament 25 sena mill-ġurnata li fiha Aberdeen kienu għelbu lil Real Madrid fit-Tazza tat-Tazez Ewropej. It-titlu ġie deċiż fl-aħħar ġurnata, meta United għelbu 2–0 lil Wigan Athletic, waqt li Chelsea ma marrux iktar mill-1–1 ġewwa darhom kontra Bolton.

Nhar il-21 ta' Mejju, 2008, Ferguson rebaħ it-tieni Tazza Ewropea ma' Manchester United hekk kif dawn għelbu lil Chelsea 6–5 wara l-għoti tal-penalties, f'finali kollha Ingliża. Wara li sal-ħin barrani l-iskor baqa' 1–1, John Terry kien qrib li jagħti t-tazza lil Chelsea però tilef il-penalty. Wara li Edwin van der Sar salva l-penalty ta' Nicolas Anelka, United ġew inkurunati bħala ċampjins Ewropej għat-tielet darba fl-istorja, u għat-tieni darba taħt Alex Ferguson.

Wara r-rebħ tal-UEFA Champions League 2007–08, Ferguson stqarr li kien mistenni li jirtira f'temp ta' tliet snin,[16] però l-amministratur delegat tal-klabb David Gill kien pront ikkalma dawn ix-xniegħat.

Kampjonat ieħor u żewġ League Cups
[immodifika | immodifika s-sors]

Minkejja li l-klabb kellu bidu diffiċli fl-istaġun 2008–09, United xorta waħda rebħu l-Premier League b'logħba oħra x'tintlagħab, biex Ferguson sar l-ewwel kowċ fl-istorja tal-futbol Ingliż li rebaħ il-kampjonat tliet darbiet infila, f'żewġ okkażjonijiet. Dan it-titlu ugwalja r-rekord ta' Liverpool ta' tmintax-il kampjonat. Huma rebħu wkoll il-League Cup meta rebħu bil-penalties lil Tottenham Hotspur. Huma laħqu wkoll il-finali tal-UEFA Champions League 2008–09, però tilfu l-finali kontra Barcelona bl-iskor ta' 2–0.

Wara ċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni, Ferguson qal li kien se jibqa' kowċ tal-United sakemm is-saħħa tippermettilu u li kienu jkun kuntent jekk jirbaħ il-kampjonat għal darb'oħra. Dan ikun iwassal għal kampjonat iżjed mir-rekord miżmum bejniethom u r-rivali Liverpool.[17]

Skozja St. Johnstone

  • It-Tieni Diviżjoni Skoċċiża: 1962–63

Skozja Falkirk

  • It-Tieni Diviżjoni Skoċċiża: 1969–70

Skozja St. Mirren

Skozja Aberdeen

Ingilterra Manchester United

  • Kowċ tas-Sena tal-Premier League: 1993–94, 1995–96, 1996–97, 1998–99, 1999–2000, 2002–03, 2006–07, 2007–08, 2008–09
  • Kowċ tas-Sena tal-LMA: 1998–99, 2007–08
  • Onze d'or bħala l-aqwa kowċ tas-sena: 1999, 2007
  • Tim tas-Sena tal-UEFA: 2007, 2008
Aġġornati sad-19 ta' Mejju 2013[19]
Klabb Minn Sa Rekord
L R D T GF GK % Rebħa
Skozja East Stirlingshire 1 ta' Ġunju 1974 20 ta' Ottubru 1974 17 9 2 6 36 28 52.94
Skozja St. Mirren 21 ta' Ottubru 1974 31 ta' Mejju 1978 169 74 41 54 292 222 43.79
Skozja Aberdeen 1 ta' Awwissu 1978 5 ta' Novembru 1986 459 272 105 82 914 374 59.26
Skozja Skozja 10 ta' Settembru 1985 13 ta' Ġunju 1986 10 3 4 3 8 5 30.00
Ingilterra Manchester United 6 ta' Novembru 1986 1 ta' Lulju 2013 1,500 895 338 267 2,769 1,364 59.67
Total 2,155 1,253 490 412 4,019 1,993 58.14

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Crick, Michael (2003). Pocket Books (ed.). The Boss: The Many Sides of Alex Ferguson. ISBN 0-7434-2991-5.
  1. ^ Manchester United (ed.). "Sir Alex retires" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  2. ^ The Boss. p. 33.
  3. ^ The Boss. p. 175.
  4. ^ The Boss. p. 196.
  5. ^ BBC News (ed.). "Lewis heads sporting honours" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  6. ^ BBC News (ed.). "Ferguson 'almost became Arsenal boss'" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  7. ^ Anthony Jepson. Manchester Evening News (ed.). "20 years and Fergie's won it all!" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  8. ^ Chris Bevan. BBC News (ed.). "How Robins saved Ferguson's job" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  9. ^ Tradotta minn: "you can't win anything with kids"
  10. ^ BBC News (ed.). "Arise Sir Alex" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  11. ^ BBC News (ed.). "Ferguson to quit Man Utd in 2002" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  12. ^ BBC News (ed.). "Man Utd reach Rio deal" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  13. ^ BBC Sport (ed.). "Man Utd capture Larsson on loan" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  14. ^ Adam Bostock. Manutd.com (ed.). "Report: Villa 0 United 3" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-05. Miġbur 2011-04-25. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  15. ^ Whittell, Ian (12 Nov 2007). "Ferguson: This is the best squad I've ever had". Daily Telegraph (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  16. ^ Daily Mail (ed.). "Queiroz could step up to boss United when Sir Alex decides to call it a day" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  17. ^ Chris Wheeler. Mail Online (ed.). "Fergie won't be retiring for some while yet, insists Manchester United chief Gill" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  18. ^ Unur maqsum flimkien ma' Liverpool
  19. ^ StretfordEnd.co.uk (ed.). "Sir Alex Ferguson" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]