Cuenca (Spanja)
Cuenca (pronunzjata bl-Ispanjol: [ˈkweŋka]) hija belt u muniċipalità fi Spanja li tinsab fil-komunità awtonoma ta' Kastilja-La Mancha. Hija l-belt kapitali tal-provinċja ta' Cuenca.
Etimoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Isem il-belt jaf oriġina mit-terminu Latin conca li jfisser "baċir tax-xmara", b'referenza għall-fondoq tax-xmajjar Júcar u Huécar. Jaf oriġina wkoll mill-fdalijiet tal-kastell Għarbi, Kunka. Ġew issuġġeriti wkoll ismijiet oriġinali alternattivi oħra, inkluż "Anitorgis", "Sucro" jew "Concava". Il-belt ta' Cuenca hija magħrufa wkoll bħala l-"Bejta tal-Ajkla" minħabba l-pożizzjoni prekarja tagħha fit-tarf ta' fondoq.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Meta l-peniżola Iberika kienet parti mill-Imperu Ruman, kien hemm diversi insedjamenti importanti fil-provinċja, fosthom Segobriga, Ercavica u Gran Valeria. Madankollu, il-post fejn tinsab Cuenca llum il-ġurnata ma kienx abitat dak iż-żmien.
Meta l-Musulmani ħakmu l-inħawi fis-714, malajr indunaw il-valur tal-pożizzjoni strateġika tal-belt u bnew fortizza (imsejħa Kunka) bejn żewġ fniedaq bejn ix-xmajjar Júcar u Huécar, imdawra b'ħajt twil kilometru. L-ekonomija ta' Cuenca malajr saret dominata mill-biedja u mill-manifattura tat-tessuti, u dawn wasslu għal prosperità kbira li kulma jmur baqgħet tiżdied.
Fil-bidu tas-seklu 11, il-Kaliffat ta' Córdoba nqasam f'diversi stati (taifas) differenti. Cuenca kienet immexxija mit-taifa ta' Toledo — x'aktarx l-ikbar wieħed — b'ġurisdizzjoni li kienet mifruxa sal-qofol tal-Marċ Nofsani ta' Al-Andalus.[1] Fl-1076, Cuenca ġiet assedjata minn Sancho Ramírez ta' Aragona, li ma rnexxilux jaħkem il-post. Fl-1080 ir-Re Yahya al-Qadir ta' Toledo tilef it-taifa tiegħu, u l-viżier tiegħu ffirma trattat fi Cuenca ma' Alfonso VI ta' León u Kastilja li permezz tiegħu ċedielu xi fortizzi bi skambju għal għajnuna militari.
Wara t-telfa li ġarrbu l-Kristjani fil-Battalja ta' Sagrajas (1086), Cuenca nħakmet mir-re tat-taifa ta' Sivilja, Al-Mu'tamid ibn Abbad. Madankollu, meta l-artijiet tiegħu ġew attakkati mill-Almoravidi, huwa bagħat lil bintu tar-rispett Zaida għand Alfonso, u offrielu Cuenca bi skambju għal appoġġ militari. L-ewwel truppi Kristjani daħlu fil-belt fl-1093. Madankollu, l-Almoravidi ħakmuha fl-1108. Il-gvernatur tagħhom fi Cuenca ddikjara l-indipendenza fl-1144, segwit minn Murcia kollha s-sena ta' wara. Fl-1147 Muhammad ibn Mardanis sar ir-Re ta' Cuenca, Murcia u Valencia. Huwa ddefenda l-artijiet tiegħu mill-invażjoni tal-Almoħadi sa mewtu fl-1172, u mbagħad ibnu kellu jiffirma patt ta' tariffi mal-ħakkiema l-ġdida. Meta kellu 17-il sena, Alfonso VIII ta' Kastilja pprova jaħkem il-post, iżda wara ħames xhur ta' assedju, kellu jirtira wara l-wasla tat-truppi mibgħuta mill-kaliff tal-Almoħadi Abu Yaqub Yusuf. Alfonso ffirma tregwa ta' seba' snin iżda meta fl-1176 in-nies lokali ta' Cuenca okkupaw xi artijiet Kristjani f'Huete u f'Uclés, Alfonso intervjena flimkien ma' koalizzjoni li kienet tinkludi wkoll lil Ferdinandu II ta' León, Alfonso II ta' Aragona u l-Ordnijiet Militari ta' Calatrava, Santiago u Montegaudio, u assedja lil Cuenca għal xhur sħaħ mill-Epifanija tal-1177. Il-kmandant ta' Cuenca, Abu Bakr, mill-ġdid reġa' fittex l-appoġġ ta' Yaqub Yusuf, iżda dan tal-aħħar kien fl-Afrika u ma għenux. Wara kampanja bla suċċess kontra l-Kristjani fis-27 ta' Lulju, Cuenca nħakmet mit-truppi ta' Alfonso fil-21 ta' Settembru 1177, filwaqt li l-gwarniġjon ta' Musulmani daħal għall-kenn fiċ-ċittadella.
Dan il-gwarniġjon tilef f'Ottubru, u b'hekk intemm id-dominju Għarbi. Cuenca ngħatat sett ta' liġijiet, magħrufa bħala l-Fuero, miktuba bil-Latin, li rregolaw liċ-ċittadini ta' Cuenca, u kienu meqjusa bħala wieħed mill-iżjed sett ta' liġijiet miktuba b'mod perfett f'dak iż-żmien. Id-djoċesi ta' Cuenca ġiet stabbilita fl-1183; it-tieni isqof tagħha kien San Ġiljan ta' Cuenca, li sar il-qaddis patrun tal-belt.
Alfonso X ta t-titlu ta' "belt" (ciudad) lil Cuenca fl-1257.[2]
Matul il-ftit sekli ta' wara, Cuenca gawdiet prosperità kbira, bis-saħħa tal-manifattura tat-tessuti u l-isfruttament tal-bhejjem. Il-katidral beda jinbena għall-ħabta ta' dan iż-żmien, bi stil Anglo-Normann, permezz ta' bosta ħaddiema Franċiżi, peress li l-mara ta' Alfonso VIII, Eleanor, kellha affinità kulturali Franċiża.
Matul is-seklu 18 l-industrija tat-tessuti battiet, speċjalment meta Carlos IV ipprojbixxa l-din l-attività fi Cuenca sabiex jipprevjeni l-kompetizzjoni mar-Real Fábrica de Tapices (Fabbrika Rjali tat-Tapizzeriji), u b'hekk l-ekonomija ta' Cuenca qabdet it-triq tan-niżla, li wasslet għal tnaqqis drammatiku fil-popolazzjoni (5,000 abitant). Matul il-gwerra tal-indipendenza kontra t-truppi ta' Napuljun il-belt ġarrbet qerda kbira, u l-kriżi kompliet tiżdied. Il-belt esperjenzat tnaqqis fil-popolazzjoni, b'madwar 6,000 abitant biss, u Cuenca ġiet ingħatat spinta biss permezz tal-wasla tal-linji ferrovjarji fis-seklu 19 flimkien mal-industrija tal-injam, u l-popolazzjoni b'hekk reġgħet żdiedet għal 10,000 abitant. Fl-1874, matul it-Tielet Gwerra Karlista, Cuenca ttieħdet mit-truppi Karlisti, u l-belt ġarrbet ħsarat kbar għal darb'oħra.
Is-seklu 20 beda bit-tiġrif tat-torri tal-katidral ta' Giraldo fl-1902, li affettwa wkoll il-faċċata. Il-katidral kellu jerġa' jinbena minn Vicente Lámperez, b'żewġ torrijiet ġodda daqs xulxin fuq iż-żewġ naħat tal-faċċata, u l-parti ta' fuq tagħhom baqgħet qatt ma tlestiet.
L-ewwel deċennji tas-seklu 20 kienu turbolenti bħal f'reġjuni oħra fi Spanja. Fiż-żoni rurali kien hemm il-faqar, u l-Knisja Kattolika ġiet attakkata, u nqatlu patrijiet, sorijiet, qassisin u isqof ta' Cuenca, Cruz Laplana y Laguna. Matul il-Gwerra Ċivili Spanjola Cuenca kienet parti miż-żona repubblikana (zona roja jew "żona ħamra"). Ittieħdet fl-1938 mit-truppi tal-Ġeneral Franco. Matul il-perjodu ta' wara l-gwerra ż-żona għaddiet minn deklin ekonomiku, u dan wassal biex bosta nies jemigraw lejn reġjuni b'iktar prosperità, l-iktar il-Pajjiż Bask u l-Katalonja, iżda anke lejn pajjiżi oħra bħall-Ġermanja. Il-belt bdiet tirkupra bil-mod mill-1960 sal-1970, u l-limiti tal-belt twessgħu ferm iktar mill-fondoq sal-artijiet ċatti tal-madwar.
Fl-aħħar deċennji l-belt esperjenzat tkabbir moderat fil-popolazzjoni u fl-ekonomija, l-iktar bis-saħħa tat-tkabbir fis-settur tat-turiżmu, u permezz ta' titjib fit-toroq u l-linji ferrovjarji. Cuenca bbażat ruħha ferm fuq il-kultura u bis-saħħa ta' dan ġiet iddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[3] F'dan l-aħħar, l-infrastruttura kulturali ġdida bħas-Sala tal-Kunċerti muniċipali u l-Mużew tax-Xjenza wasslu biex Cuenca tipprova tapplika għat-titlu ta' Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2016 iżda mingħajr suċċess.[4]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Belt Iffortifikata Storika ta' Cuenca ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[3]
Ġeografija u klima
[immodifika | immodifika s-sors]Cuenca tinsab fit-tarf ta' fondoq wieqaf, b'xaqlibiet li jinżlu fil-fond sax-xmajjar Júcar u Huécar. Il-belt hija maqsuma f'żewġ insedjamenti separati: il-belt il-"ġdida" li tinsab fil-Lbiċ tal-belt l-antika, li hija maqsuma mix-xmara Huécar.
Il-klima ta' Cuenca hija klima Mediterranja tipika bi sjuf sħan tal-Meseta (promontorju fuq ġewwa) ta' Spanja. Ix-xtiewi jkunu relattivament kesħin, iżda s-sjuf ikunu pjuttost sħan binhar b'iljieli okkażjonali kesħin. L-istaġuni tar-rebbiegħa u tal-ħarifa jkunu qosra, b'temperaturi pjaċevoli binhar iżda b'iljieli pjuttost kesħin minħabba l-altitudni tal-belt bejn 956 metru (3,136 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar sa 1,000 metru (3,281 pied) fiċ-ċentru storiku tal-belt l-antika.
Data klimatika għal Cuenca (948 metru; 1981-2010) | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 22.6
(72.7) |
24.5
(76.1) |
26.9
(80.4) |
29.0
(84.2) |
35.1
(95.2) |
38.0
(100.4) |
39.6
(103.3) |
39.7
(103.5) |
38.2
(100.8) |
31.5
(88.7) |
25.5
(77.9) |
21.2
(70.2) |
39.7
(103.5) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 9.7
(49.5) |
11.5
(52.7) |
15.1
(59.2) |
16.6
(61.9) |
20.9
(69.6) |
27.3
(81.1) |
31.4
(88.5) |
30.7
(87.3) |
25.6
(78.1) |
19.2
(66.6) |
13.3
(55.9) |
10.1
(50.2) |
19.3
(66.7) |
Temp. medja f'°C (°F) | 4.6
(40.3) |
5.9
(42.6) |
8.8
(47.8) |
10.6
(51.1) |
14.6
(58.3) |
20.1
(68.2) |
23.6
(74.5) |
23.2
(73.8) |
18.8
(65.8) |
13.4
(56.1) |
8.3
(46.9) |
5.4
(41.7) |
13.1
(55.6) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | −0.5
(31.1) |
0.2
(32.4) |
2.5
(36.5) |
4.5
(40.1) |
8.2
(46.8) |
12.8
(55.0) |
15.7
(60.3) |
15.6
(60.1) |
11.9
(53.4) |
7.7
(45.9) |
3.2
(37.8) |
0.7
(33.3) |
6.9
(44.4) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | −17.8
(0.0) |
−14.5
(5.9) |
−15.6
(3.9) |
−5.8
(21.6) |
−1.4
(29.5) |
1.6
(34.9) |
3.5
(38.3) |
4.8
(40.6) |
1.2
(34.2) |
−4.6
(23.7) |
−8.2
(17.2) |
−12.8
(9.0) |
−17.8
(0.0) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 40
(1.6) |
38
(1.5) |
35
(1.4) |
58
(2.3) |
52
(2.0) |
41
(1.6) |
10
(0.4) |
20
(0.8) |
42
(1.7) |
60
(2.4) |
48
(1.9) |
58
(2.3) |
501
(19.7) |
Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni | 7 | 6 | 6 | 8 | 8 | 5 | 2 | 3 | 5 | 8 | 7 | 8 | 71 |
Medja ta' jiem bil-borra | 2 | 2 | 1 | 1 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 1 | 1 | 9 |
Umdità relattiva medja (%) | 73 | 67 | 60 | 60 | 56 | 48 | 41 | 45 | 55 | 67 | 73 | 76 | 60 |
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar | 154 | 162 | 211 | 206 | 258 | 309 | 357 | 329 | 246 | 188 | 151 | 136 | 2,707 |
Sors: Agencia Estatal de Meteorología[5] |
Attrazzjonijiet ewlenin
[immodifika | immodifika s-sors]Katidral tal-Madonna tal-Grazzji u ta' San Ġiljan
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Katidral ta' Cuenca nbena mill-1182 sal-1270. Il-faċċata reġgħet inbniet wara li ġġarrfet fl-1902. Huwa l-ewwel katidral bi stil Gotiku fi Spanja (flimkien ma' dak ta' Avila), minħabba l-influwenza tal-mara ta' Alfonso VIII, Eleanor, bint ir-Re Enriku II tal-Ingilterrau l-mara tiegħu, Eleanor ta' Aquitaine, li introduċew l-istil Anglo-Normann.
Minn dik id-data l-katidral sarulu xi tibdiliet. Apsida-korsija (doble girola) żdiedet fis-seklu 15, filwaqt li l-Arkata Rinaxximentali ta' Esteban Jamete nbniet fis-seklu 16. L-artal prinċipali ġie ddisinjat mill-ġdid matul is-seklu 18 mill-arkitett famuż Ventura Rodríguez, b'grilja prezzjuża b'lavur tal-ħadid. Il-faċċata nbniet mill-ġdid fl-1902 mit-tiġrif tat-torri preċedenti tal-kampnar magħruf bħala l-Giraldo. Fil-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20 twaħħlu twieqi moderni kkuluriti, u fl-2006 ġie rkuprat wieħed miż-żewġ orgnijiet Barokki minn Julián de la Orden. L-orgni l-ieħor ġie rrestawrat ukoll, u fl-4 ta' April 2009 saret ċerimonja ta' inawgurazzjoni.
In-navati ma jsegwux eżattament linja dritta. L-artal ta' San Julián, iddedikat lil San Ġiljan ta' Cuenca, fl-apsida-korsija, jikkonsisti minn kolonni magħmula bl-irħam aħdar.
Kurżità oħra huma l-kitbiet "Unum ex septem" f'xi kappelli. Jingħad li jekk wieħed jitlob waqt li jħares lejn dawn il-kitbiet, jingħata maħfra ta' ħames snin għal dnubietu, u maħfra ta' seba' snin jekk wieħed jitlob f'jum il-qaddis patrun.
Knisja ta' San Pietru (Iglesia de San Pedro)
[immodifika | immodifika s-sors]B'oriġini Rumaneski, il-Knisja ta' San Pietru reġgħet inbniet minn Jose Martin de la Aldehuela matul is-seklu 18 u minn dak iż-żmien għandha faċċata Barokka. Għandha għamla ottagonali fuq barra iżda hija ċirkolari fuq ġewwa, u tinsab fil-pjazza msejħa Plaza del Trabuco.
Wieħed jista' jasal għal din il-knisja billi jitla' Triq San Pedro mill-Plaza Mayor.
Knisja ta' San Mikiel (Iglesia de San Miguel)
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Knisja ta' San Mikiel inbniet matul is-seklu 13, b'navata waħda biss u apsida. Fis-seklu 15 żdiedet it-tieni navata fin-naħa tat-Tramuntana. Il-koppla nbniet minn Esteban Jamete fis-seklu 16, u finalment is-saqaf tal-injam taż-żewġ navati ġiet sostitwit b'volti tal-ġebel matul is-seklu 18.
Il-Knisja ta' San Mikiel ġiet irrestawrata fis-seklu 20, u l-ġestjoni tagħha ġiet ittrasferita lill-muniċipalità ta' Cuenca mid-Djoċesi ta' Cuenca, sabiex il-knisja setgħet tintuża għal kunċerti tal-mużika klassika. Fil-fatt, il-Knisja ta' San Mikiel tospita l-Ġimgħa tal-Mużika Reliġjuża (Semana de Musica Religiosa) flimkien ma' postijiet oħra fi ħdan il-belt u l-provinċja tagħha.
Il-knisja tinsab fi Triq San Mikiel, qrib Plaza Mayor. Wieħed jasal għall-Knisja ta' San Mikiel minn passaġġ dejjaq għan-niżla li jibda min-naħa tax-xellug ta' Plaza Mayor (jekk wieħed iħares mill-Muniċipju).
Knisja tas-Salvatur (Iglesia del Salvador)
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Knisja tas-Salvatur inbniet bi stil Neo-Gotiku matul is-seklu 18, b'navata waħda u torri għoli. Għandha faċċata Barokka mudesta u xi artali Barokki notevoli fuq ġewwa. Madankollu, id-daħla tal-knisja hija pjuttost moderna u żdiedet fl-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20.
Il-purċissjoni reliġjuża famuża ta' "Las Turbas", li ssir binhar fil-Ġimgħa l-Kbira, tibda minn din il-knisja, peress li l-vara ta' Ġesù Nazzarenu, li hija l-qofol tal-purċissjoni, tinżamm ġo fiha.
Pont ta' San Pawl
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pont ta' San Pawl (Puente de San Pablo) inbena mill-1533 sal-1589 bħala kostruzzjoni mmexxija mill-Kanonku Juan del Pozo minn naħa għall-oħra tal-fondoq tax-xmara Huecar, bl-għan li l-belt l-antika tiġi kkollegata mal-Kunvent ta' San Pawl.
Il-pont oriġinali kkrolla u l-pont attwali nbena fl-1902 bl-injam u l-ħadid skont l-istil dominanti fil-bidu tas-seklu 20. Huwa għoli madwar 40 metru u huwa mirfud mill-fdalijiet tal-pont l-antik.
Seminarju
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Seminarju (Seminario), binja rettangolari minn Plaza de la Merced sal-Pjazza ta' Mangana, ġie stabbilit taħt it-tmexxija ta' José Flores y Osorio, l-Isqof ta' Cuenca (1738-1759), u nbena minn Vicente Sevill għall-ħabta tal-1745. Il-faċċata Barokka f'Plaza de la Merced inbniet fl-1748.
Is-seminarju fih librerija b'bosta kotba antiki, uħud minnhom "incunables" (ta' qabel l-1501). Hemm ukoll kamra ta' lqugħ bi stil Rokokò fuq ġewwa u artal Gotiku fil-kappella, iżda ż-żjarat mill-pubbliku mhumiex permessi.
Fl-2004 xi kotba minn din il-librerija nsterqu, iżda s-suspettat ewlieni tas-serqa nqabad u l-kotba ġew irkuprati qabel ingħataw għall-irkantar.
Illum il-ġurnata medja ta' 10-15-il patri jitħarrġu hemmhekk, skont l-istatistika tal-Konferenza Episkopali Spanjola.
Kunvent Antik ta' San Pawl
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kunvent ta' San Pawl inbena fis-seklu 16 taħt it-tmexxija tal-patri Kanonku Juan del Pozo, li kien parti mill-Ordni Dumnikana. L-aħwa Juan u Pedro de Alviz kienu inkarigati mill-proġett tal-kostruzzjoni; Pedro ħadem fuq il-kunvent u l-kjostru u Juan ħadem fuq il-knisja. Il-knisja tlestiet fis-seklu 18 bi stil Rokokò.
Il-kunvent kien immexxi minn patrijiet Dumnikana, iżda matul is-seklu 19 ingħata lill-patrijiet Pawlini, li kienu bbażati hemmhekk sal-1975, meta telqu minħabba l-ikkrollar possibbli tal-binja. Fis-snin 90 tas-seklu 20 il-kunvent ġie rrestawrat biex jospita l-Parador Nacional de Turismo in Cuenca, lukanda li tippermetti żjara fil-kunvent kif ukoll tagħti aċċess lill-knisja.
Il-kjostru għandu sors ornamentali tal-ilma, u l-kafetterija tinsab fil-kappella l-antika. Mill-kunvent wieħed jista' jasal sal-belt antika faċilment billi jaqsam minn fuq il-Pont ta' San Pawl.[6]
Palazz tal-Isqof
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Palazz tal-Isqof fih il-Mużew tad-Djoċesi, li għandu kollezzjoni notevoli ta' arti reliġjuża. Jista' jiġi aċċessat faċilment mill-katidral.
Il-kmamar fejn tintwera l-kollezzjoni ġew immudellati mill-ġdid mill-arkitett Fernando Barja Noguerol, u Gustavo Torner għażel l-opri tal-arti minn inventarju magħmul minn xi patrijiet tad-djoċesi fl-1977. Uħud mill-wirt artistiku tad-djoċesi ntilef matul il-Gwerra Peniżolari, il-konfiska tal-proprjetà ekkleżjastika minn Juan Álvarez Mendizábal, u l-Gwerra Ċivili Spanjola.
Fil-mużew wieħed jista' jara kapulavuri bħad-Dittiku Biżantin (lavur tal-fidda b'għamla ta' ktieb b'oriġini datata għall-ħabta tal-1370, li fih ir-relikwi tal-qaddisin), pitturi ta' El Greco, u twapet magħmulin bl-idejn mill-iskola ta' Cuenca.
Kastell
[immodifika | immodifika s-sors]El Castillo huwa l-isem tal-fdalijiet ta' fortizza Għarbija antika, li jirrappreżenta l-istrutturi iktar antiki ta' Cuenca. Torri, żewġ blokok tal-ġebel, l-arkata ta' aċċess lejn iċ-ċentru storiku tal-belt u ta' ħruġ minnu mill-Barrio del Castillo u framment tal-ħitan għadhom jeżistu. L-arkata (arco de Bezudo) hija msemmija għal Gutierre Rodriguez Bezudo, minn Segovia, li ġġieled kontra l-Għarab mar-Re Alfonso VIII biex jaħkem lil Cuenca.
Il-kastell kien jospita l-Inkwiżizzjoni Sagra wara l-1583, u finalment inqered matul is-seklu 19 mis-suldati Franċiżi matul il-Gwerra tal-Indipendenza Spanjola.
Fil-qrib hemm il-kappella żgħira u ċ-ċimiterju ta' San Isidro.
Torri ta' Mangana
[immodifika | immodifika s-sors]L-oriġini tat-Torri ta' Mangana mhijiex ċara. Fl-1565 ġie miżbugħ minn Anton van den Wyngaerde, li jindika li dak iż-żmien it-Torri ta' Mangana diġà kien inbena, u wara l-attakki tas-suldati Franċiżi matul il-Gwerra tal-Indipendenza Spanjola – fil-bidu tas-seklu 19 – wara li kien diġà ntlaqat minn sajjetta fis-seklu 18, iġġarraf għalkollox. It-Torri ta' Mangana reġa' nbena minn Fernando Alcántara bi stil Neo-Mudejar – ispirat minn motivi dekorattivi Għarab – fl-1926. Finalment Victor Caballero ta lit-Torri ta' Mangana l-bixra attwali tiegħu bi stil qisu ta' fortizza fl-1968.
It-torri għandu arloġġ fuq naħa waħda tiegħu u r-reġistrazzjoni ta' tokki tal-qniepen jista' jinstema' fiċ-ċentru storiku tal-belt f'ċertu ħinijiet (kull kwarta).
Wieħed jista' jaċċessa t-torri bil-mixi minn Plaza Mayor u hemm veduti mill-fondoq qrib ix-xmara Jucar u l-kwartieri moderni.
Muniċipju
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Muniċipju huwa binja bi stil Barokk li nbniet matul ir-renju tar-Re Carlos III. Huwa mirfud fuq tliet ħnejjiet Rumani u tlesta fl-1762, kif wieħed jista' jara b'għajnejh mill-faċċata. Minkejja dan, fis-seklu 18 Mateo Lopez kien l-arkitett inkarigat mill-estensjoni tal-binja peress li kien meħtieġ li l-binja titkabbar biex ikun hemm spazju għall-oratorju kif ukoll għall-arkivju.
Il-ħnejja ċentrali hija l-unika waħda li tagħti aċċess għall-vetturi biex jaċċessa il-Plaza Mayor.[7]
Djar Imdendlin
[immodifika | immodifika s-sors]Mibnija f'xifer il-blat tal-fondoq fuq ix-xmara Huecar fis-seklu 15, id-"Djar Imdendlin" jew Casas Colgadas huma l-unika eżemplari li għad fadal ta' dan it-tip ta' bini li kien komuni f'din il-belt fl-imgħoddi.
Id-Djar Imdendlin jistgħu jitqiesu bħala l-iżjed binjiet ċivili famużi fi Cuenca. Jospitaw ristorant u l-Mużew tal-Arti Astratta u jservu ta' sfond għal miljuni ta' ritratti li jittieħdu mill-Pont ta' San Pawl.
Monument iddedikat lill-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù
[immodifika | immodifika s-sors]Fuq l-għolja Cerro del Socorro wieħed jista' jsib il-monument iddedikat lill-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù. Il-materjali għall-kostruzzjoni tiegħu ġew ittrasportati fuq il-ħmir f'nofs is-seklu 20. Dan il-post huwa post mill-aqwa għal veduti panoramiċi tal-belt. Jista' jiġi aċċessat mit-triq lejn Palomera / Buenache de la Sierra (il-fondoq tax-xmara Huecar) u mbagħad wara madwar 5 km (3 mili) iddur fuq il-lemin.
Kunsill Provinċjali ta' Cuenca
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sede tal-Kunsill Provinċjali ta' Cuenca (Diputación provincial de Cuenca) hija binja b'żewġ sulari li nbniet fil-bidu tas-seklu 20 skont proġett ikkonċeput mill-arkitett provinċjali Rafael Alfaro. L-istemma ta' Cuenca mal-faċċata hija magħmula bl-irħam ta' Carrara.
Oħrajn
[immodifika | immodifika s-sors]Binjiet notevoli oħra fi Cuenca jinkludu l-Knisja ta' San Felipe Neri, il-Knisja tal-Madonna tad-Dawl (Iglesia de Nuestra Señora de La Luz) u l-Konvent ta' Las Petras.
Mużewijiet
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-Mużew Arkeoloġiku li fih oġġetti mill-Park Arkeoloġiku ta' Segóbriga.
- Il-Mużew tad-Djoċesi.
- Il-Mużew tal-Arti Astratta Spanjola.
- Il-Mużew tax-Xjenza ta' Kastilja-La Mancha.
- Il-Mużew tal-Ġimgħa Mqaddsa ta' Cuenca.
- Il-Fundación Antonio Pérez.
- Il-Fundación Antonio Saura.
Parks
[immodifika | immodifika s-sors]- El Escardillo, bi ftit siġar u funtana fuq roqgħa żgħira ta' art. Huwa wieħed mill-ftit żoni ħodor fiċ-ċentru storiku tal-belt.
- Los Moralejos, li jinsab qrib il-punt ta' dħul minn Madrid, huwa magħruf ukoll bħala "Carrero" (l-isem antik tiegħu kien Carrero Blanco), u huwa park li tkabbar fil-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20, meta l-fiera ta' San Ġiljan tressqet lejn il-pożizzjoni attwali tagħha, u b'hekk ġiet illiberata ftit art. Dan l-aħħar żdiedet korsija għar-roti, kif ukoll kollegament ġdid maċ-ċentru sportiv ta' "el Sargal".
- Santa Ana, "El Vivero", qrib l-arena tal-barrin ta' Cuenca, b'siġar kbar li jagħtu d-dell fil-biċċa l-kbira tal-park.
- San Fernando, li jinsab fiż-żona tal-espansjoni ta' Cuenca, huwa park fuq xaqliba u jinkludi tliet lagi żgħar.
- San Julián, l-eqdem park fi Cuenca, maħluq fil-bidu tas-seklu 20, permezz ta' art mogħtija b'donazzjoni minn Gregoria Fernández de la Cuba, li għandha skultura tagħha fil-park. Dan il-park huwa eżempju ta' disinn sostenibbli: minflok ħaxix hemm rettangoli tal-ħamrija tul perimetru b'siġar kbar, isseparati b'ringieli ta' arbuxelli u mogħdijiet biż-żrar. Fiċ-ċentru, hemm spazju miftuħ b'post fejn tarma l-banda. Hemm ukoll skultura ta' Lucas Aguirre y Juárez, li ddedika l-isforzi filantropiċi tiegħu għall-edukazzjoni tat-tfal foqra. "Manneken pis" funzjonali għalkollox jaqta' l-għatx lill-viżitaturi fil-jiem tas-sajf.
Festi
[immodifika | immodifika s-sors]- Jueves Lardero.
- Jum San Ġiljan ta' Cuenca – it-28 ta' Jannar.
- Jum San Mattew – il-21 ta' Settembru; barri żgħir (vaquilla) jinħeles fit-toroq u jitmexxa min-nies bil-ħbula, filwaqt li n-nies minn Cuenca, raggruppati f'"peñas", jieklu u jixorbu fit-toroq għal perjodu ta' erbat ijiem. Fl-ewwel jum, il-peñas jinġabru fil-Plaza Mayor bil-mixi u jiġu mxarrba mill-abitanti taċ-ċentru storiku mill-gallariji tagħhom.
- Ġimgħa Mqaddsa: il-Festa Spanjola ta' Interess Internazzjonali għat-Turisti.
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt hija moqdija mill-istazzjon ferrovjarju ta' Cuenca. Hija ġita popolari għal jum jew għal tmiem il-ġimgħa minn Madrid, bis-saħħa tal-kollegament tajjeb ħafna bejn iż-żewġ bliet. Fid-19 ta' Diċembru 2010 ġie stabbilit kollegament ta' veloċità għolja bejn Madrid – Atocha u Valencia u wħud mill-kollegamenti jieqfu wkoll fl-istazzjon ferrovjarju ta' Cuenca–Fernando Zóbel, u b'hekk il-vjaġġaturi jkunu moqdija kuljum b'kollegamenti ma' Madrid u ma' Valencia, bi tnaqqis tal-ħin tal-vjaġġ għal 50 minuta biss minn/lejn Madrid u għal siegħa minn/lejn Valencia. Renfe topera wkoll servizz ferrovjarju mhux b'veloċità għolja li jdum tliet sigħat minn Madrid. Auto Res, operatur tal-karozzi tal-linja, jikkollega lil Madrid ma' Cuenca bi vjaġġ ta' xi sagħtejn jew sagħtejn u nofs. L-awtostrada A-40, li tlestiet dan l-aħħar, tikkollega l-belt mal-A-3 f'Tarancón, 82 kilometru (51 mil) 'il bogħod minn Madrid, b'total ta' 166 kilometru (103 mili) sal-belt kapitali ta' Spanja, u 200 kilometru (120 mil) 'il bogħod minn Valencia, permezz tal-A-3 fid-direzzjoni opposta.
Ġemellaġġ
[immodifika | immodifika s-sors]Cuenca hija ġemellata ma':[8]
- Cuenca, l-Ekwador;
- L'Aquila, l-Italja;
- Ronda, Spanja;
- Plasencia, Spanja;
- Taxco de Alarcón, il-Messiku;
- Paju, il-Korea t'Isfel (2007);
- Cerreto Sannita, l-Italja (2017);
- Bollène, Franza (2012).
Gastronomija
[immodifika | immodifika s-sors]Dawn li ġejjin huma platti tipiċi mill-inħawi ta' Cuenca, li bażikament huma r-riżultat ta' kombinament tal-platti tipiċi tal-inħawi ta' Serranía u Mancha:
- Ajo arriero, magħmul bil-bakkaljaw, il-patata u t-tewm, jista' jiddellek mal-ħobż;
- Cordero, biċċiet tal-ħaruf sempliċement mixwija jew f'caldereta;
- Morteruelo, tip ta' pâté magħmul minn tipi different ta' laħam, l-iktar xi fenek selvaġġ, ħaġla, tiġieġa jew laħam tal-majjal;
- Pisto manchego, taħlita ta' ħxejjex (tadam, bżar, qarabagħli) imqatta' u moqlija flimkien, simili għar-"ratatouille" fi Franza;
- Queso manchego, li ġej minn Villarejo de Fuentes, Santa María del Campo Rus jew Villamayor de Santiago, huwa ġobon magħmul biss mill-ħalib tan-nagħaġ;
- Setas, fil-ħarifa varjetà kbira ta' faqqiegħ jista' jinġabar fil-foresti qrib Cuenca. L-iżjed frekwenti huma l-hekk imsejħa Níscalo, iżda speċijiet oħra bħall-boletus jistgħu jinstabu fl-inħawi;
- Trucha, trota mixwija mix-xmajjar tal-muntanji;
- Oreja, Forro, Panceta: qatgħat differenti ta' laħam tal-majjal, normalment mixwija;
- Mojete: insalata tradizzjonali magħmula bit-tadam.
Għad-deżerta, l-Alajú huwa kejk Għarbi magħmul bl-għasel, il-lewż, il-ġewż u l-qoxra tal-larinġ maħkuka. Resoli hija xarba tipika, servuta f'tazza bis-silġ jew li wieħed jixrobha direttament minn "porrón" wara ikla.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
Veduta panoramika tal-Katidral ta' Cuenca.
-
Veduta minn ħnejja fiċ-ċentru storiku ta' Cuenca.
-
Casas Colgadas ("Djar Imdendlin").
-
L-Eremitaġġ tal-Madonna tal-Angoxxi.
-
Il-Kunvent ta' La Merced.
-
Il-Kunvent tal-Karmlitani.
-
Il-Parador Nazzjonali ta' Cuenca.
-
Il-Kunsill Provinċjali ta' Cuenca.
-
It-Triq Alfonso VIII.
-
Plaza Mayor.
-
Ix-xmara Júcar River li tnixxi qalb Cuenca.
-
Ix-xmara Júcar mill-Pont ta' San Antón.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Izquierdo Benito, Ricardo (1986). Alfonso VI y la toma de Toledo. Toledo: Diputación Provincial de Toledo. p. 13. ISBN 84-00-06167-5.
- ^ "Conjunto Histórico de Cuenca | Portal de Cultura de Castilla-La Mancha". cultura.castillalamancha.es. Miġbur 2022-10-03.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Walled Town of Cuenca". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-03.
- ^ "European Capital of Culture 2016" (PDF).
- ^ Meteorología, Agencia Estatal de. "Cuenca: Cuenca - Agencia Estatal de Meteorología - AEMET. Gobierno de España". www.aemet.es (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-10-03.
- ^ "Cuenca y su lado más natural: ¿qué podemos ver y hacer? - Vipealo" (bl-Ispanjol). 2021-01-04. Miġbur 2022-10-03.
- ^ Farfán, Lourdes María Morales. "Cuenca (V): siglo XVIII, el intento de regeneración de una ciudad barroca". www.unaventanadesdemadrid.com. Miġbur 2022-10-03.
- ^ "Ayuntamiento de Cuenca". ayuntamiento.cuenca.es (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-10-03.