Prospero Grech
Prospero Grech | |||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|
18 Frar 2012 -
8 Frar 2012 -
18 Jannar 2012 - Dioceses: San Leone titular see (en) | |||||||
Ħajja | |||||||
Twelid | Birgu, 24 Diċembru 1925 | ||||||
Nazzjonalità | Malta | ||||||
Mewt | Ruma, 30 Diċembru 2019 | ||||||
Kawża tal-mewt | kawżi naturali | ||||||
Edukazzjoni | |||||||
Alma mater |
Pontifical Gregorian University (en) Pontifical Biblical Institute (en) | ||||||
Okkupazzjoni | |||||||
Okkupazzjoni |
saċerdot Kattoliku għalliem fl-università | ||||||
Impjegaturi |
Pontifical Gregorian University (en) Università Pontificia Lateranense |
Il-Kardinal Prospero Grech (Birgu, 24 ta' Diċembru, 1925 - Ruma, Italja, 30 ta' Diċembru, 2019), imwieled Stanley Grech, kien it-tieni Kardinal Malti fl-istorja tal-Knisja Kattolika.
Bin Vincenzo Grech u Amelia mwielda Gatt. Ir-Reġistru tal-Magħmudija tal-parroċċa ta’ San Lawrenz tal-Belt Vittoriosa jgħid li Patri Prospero kien mgħammed jumejn wara li twieled, jiġifieri fis-26 ta’ Diċembru, mill-Arċipriet ta’ dak iż-żmien, il-Kan Joseph Maria Farrugia. Hu ngħata l-isem ta’ Stanley. Ingħata wkoll ħames ismijiet oħra: David, John, Arthur, Lawrence u Joseph. Il-parrinijiet tiegħu tal-magħmudija kienu John u Sophia Craig.
Studji
[immodifika | immodifika s-sors]Studja l-Liċeo u serva bħala gunner fil-Home Guard tal-Università fi żmien il-Gwerra. Wara li għamel tliet xhur fl-Army, beda l-kors tal-mediċina fl-Università ta’ Malta, iżda wara sena daħal mal-Patrijiet Agostinjani fl-1943. Il-professjoni solenni tiegħu għamilha fi ħdan dan l-Ordni fis-26 ta’ Ottubru 1947. Ħa l-isem reliġjuż ta’ Prospero. Kien ordnat subdjaknu f’Ruma fit-3 ta’ Lulju 1949 u ordnat presbiteru fil-Bażilika ta’ San Giovanni Laterano f’Ruma fil-25 ta’ Marzu 1950.
Patri Prospero Grech studja l-filosofija fil-Monasteru ta’ San Mark, ir-Rabat, Malta, u t-Teoloġija fil-Kulleġġ ta’ Santa Monika f’Ruma. Huwa kiseb Dottorat fit-Teoloġija mill-Università Gregorjana ta’ Ruma (1953), Liċenzjat fl-Iskrittura Mqaddsa mill-Istitut Pontifiċju Bibliku ta’ Ruma (1954) u Diploma fil-Psikoloġija Edukattiva minn Freibourg, l-Iżvizzera (1951). Patri Prospero Grech irriċerka l-lingwi Semitiċi fl-Università ta’ Oxford (1957-58) wara li kien akkwista ‘scholarship’ tal-British Council u f’dik ta’ Cambridge (1958-59). Fl-1958, il-Professur Arberry tal-Istudji Orjentali fl-Università ta’ Cambridge, ried skular Malti ħalli jgħinu f’xogħol li kien qed jagħmel. Il-Professur Ġużè Aquilina kien irrakkomanda lill-Professur Prospero Grech għal dan ix-xogħol. Il-Professur Prospero Grech għen lill-Professur Arberry fil-ktieb “A Maltese Anthology” ta’ poeżija u proża Maltija maqluba bl-Ingliż u fi ktieb ieħor bl-isem “Dun Karm – Poet of Malta” maħruġ minn Arberry u Grech minn Cambridge University Press.
Artiklu ppubblikat fil-Catholic Herald jikkwota lill-kittieb u l-kritiku Nigel Dennis jgħid li Patri Prospero huwa possibilment l-iktar persuna intelliġenti li teżisti. Din l-allegata stqarrija ta' Dennis għaddiet mingħand l-armla ta' Dennis għal għand il-kittieb tal-artiklu, Patri Alexander Lucie-Smith.
Karigi u Unuri
[immodifika | immodifika s-sors]Fost id-diversi karigi li okkupa fl-Ordni Agostinjan, fl-1971 inħatar l-ewwel President tal-Istitut Patristiku Augustinianum tal-Ordni ta' Santu Wistin. Barra minn hekk Patri Prospero ħadem f'diversi universitajiet barra minn Malta u f'Kummissjonijiet Pontifiċji. Kien ukoll Konsultur tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi.
Fit-13 ta’ Diċembru 2011, Jum ir-Repubblika, Patri Prospero Grech kien onorat mill-President ta’ Malta, Dr George Abela, bħala Kumpann tal-Ordni Nazzjonali tal-Meritu.
Medjatur fil-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża tas-Sittinjiet
[immodifika | immodifika s-sors]Waqt konferenza li kienet saret fl-2010, intitolata Revisiting Labour's History, il-Professur Godfrey Pirotta kien qal li fis-snin sittin Patri Prospero kien ghamilha ta' medjatur bejn il-Partit Laburista u l-Vatikan fuq il-kwistjoni tas-sitt punti. Ftit huma dawk li jafu b'dan is-sehem ta' medjatur li kellu Patri Prospero, u dan proprju ghax din il-medjazzjoni ma kinitx giet imxandra. Fl-1963 kienet saret laqgħa sigrieta bejn Dom Mintoff u Patri Prospero gewwa Ruma, fejn iktar tard Patri Prospero kien ressaq l-argumenti tal-Mexxej Laburista quddiem il-Vatikan. Dan kollu kien qed isir bhala parti mill-isforz tal-Partit Laburista biex il-kwistjonijiet bejn l-Istat u l-Knisja jissolvew darba ghal dejjem.
Is-sitt punti li Mintoff kien qed jinsisti fuqhom biex jintlahaq qbil bejn iz-zewg nahat kienu jinkludu: is-separazzjoni bejn Stat u l-Knisja; l-ugwaljanza bejn religjonijiet differenti; ir-rikon-oxximent legali taz-zwieg civili u anki d-divorzju ghal min kien jemmen fih; it-taghlim tar-religjon fl-iskejjel tal-Istat li jinghata biss lil min jixtiequ; li l-iskejjel privati jghaddu min process ta' spezzjoni qabel jikkwalifikaw ghall-fondi mill-Gvern; is-servizzi socjali jinghataw lil kulhadd minghajr diskriminazzjoni (anki lil tfal imwielda barra z-zwieg); li l-Knisja taghti kontribut finanzjarju u l-privilegum fori jkun ristrett; ic-censura fuq l-arti tkun hielsa mill-influwenza tal-Knisja; u li l-Knisja ma tindahalx fl-affarijiet tal-Istat.
Skont il-ġurnal Laburista Kullħadd, Patri Prospero kien wieħed minn żewġ patrijiet, li kienu ġew indikati minn Ruma li setgħu jieħdu post l-Isqof Emmanuel Gerada. Imma allegatament Monsinjur Mikiel Gonzi kien instema' jgħid li f'din il-kariga ried jaħtar qassis, u mhux patri. L-istess sorsi jispekulaw ukoll jekk din kinitx verament ir-raguni li ghalfejn Gonzi kien oggezzjona li Patri Prospero jinhatar f'din kariga, u dan fid-dawl tal-fatt li Patri Prospero kellu parentela ma' familja b'konnotazzjonijiet Laburisti qawwija.
Skont il-ġurnalista Anton Cassar, Grech jiġi t-tifel ta’ oħt Mosè Gatt li serva fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Laburista sal-isplit fil-partit. Fr Prospero Grech kien imsemmi biex isir isqof iżda billi kien jiġi mil-Laburista Mosè Gatt, il-Gvern ta’ Borg Olivier ma approvax in-nomina tiegħu.
Ħatra ta' Isqof u Kardinal
[immodifika | immodifika s-sors]Kien is-Sibt 6 ta’ Jannar 2012, festa tal-Epifanija f’Ruma, li l-Papa Benedittu XVI, wara l-Angelus ta’ nofsinhar, ħabbar li kien se jlaqqa’ Konċistorju biex jinnomina 22 membru ġdid tal-Kulleġġ tal-Kardinali fosthom lil Grech. Il-Papa dakinhar iddeskriva lil Patri Prospero Grech OSA bħala “professur emeritu ta’ għadd ta’ universitajiet Rumani u Konsultur tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi”. Patri Prospero huwa t-tieni Kardinal Malti fl-istorja tal-Knisja, wara li fis-seklu dsatax Malta kellha Kardinal ieħor, Fabrizio Sceberras Testaferrata, li kien nominat Kardinal mill-Papa Piju VII, kważi 200 sena qabel, fil-Konċistorju tas-6 t’April 1818.
Patri Prospero Grech inħatar arċisqof fit-8 ta' Frar 2012 fil-Konkatidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta. Fit-18 ta' Frar inħatar Kardinal mill-Papa Benedittu XVI. Il-Provinċja Agostinjana Maltija ferħet lil Patri Prospero ghan-nomina li rcieva bhala Kardinal. "Minbarra li huwa unur fuq livell personali, huwa wkoll unur ghall-Ordni ta' Santu Wistin li fin-nomina tieghu jara r-rikonoxximent tal-Knisja Universali ghas-servizz lejn l-Evangelju".
Patri Prospero ngħata t-titlu personali ta' Arċisqof Titulari ta' San Leone fil-Basilicata, titlu li qablu ġarru l-Kardinal Stanislaw Dziwisz, bl-arma tiegħu, li tirrappreżenta s-salib ta' Malta u l-arma tal-Agostinjani bil-baklu u s-salib. Interessanti ċ-ċurkett tad-deheb li ngħata mill-Kurja Arċiveskovili Maltija lill-Isqof Prospero Grech, maħdum kollu Malta u li juri lil San Pawl bis-salib, ħuġġieġa u l-lifgħa.
Ħoloq Esterni
[immodifika | immodifika s-sors]- L-Aħbar li Prospero Grech se jinħatar Kardinal
- Patri Grech fuq Catholic-Hierarchy