Location via proxy:   [ UP ]  
[Report a bug]   [Manage cookies]                
Aqbeż għall-kontentut

Sandro Botticelli

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Sandro Botticelli
Ħajja
Isem propju Alessandro di Mariano di Vanni Filipepi
Twelid Firenzec. 1445
Nazzjonalità Italja
Grupp etniku Taljani
Mewt Firenze, 17 Mejju 1510
Post tad-dfin Knisja tal-Qaddisin Kollha, Firenze
Familja
Konjuga/i Not married
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Għalliema Filippo Lippi
Andrea del Verrocchio
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
disinjatur
disinjatur tal-bini
pittur tal-affreski
Post tax-xogħol Firenze
Pisa
Ruma
Mantova
Impjegaturi Andrea del Verrocchio
Xogħlijiet importanti It-Twelid ta’ Venere
Adorazzjoni tal-Maġi
Primavera
Fortezza
Moviment Rinaxximent Bikri
Skola ta’ Firenze
Psewdonomu di Mariano Filipepi, Alessandro
Moviment artistiku ritratt
pittura storika
pittura reliġjuża
allegorija
pittura mitoloġika
arti reliġjuża

Alessandro di Mariano di Vanni Filipepi (twieled għall-ħabta tal-1445[1] – miet fis-17 ta’ Mejju 1510), magħruf bħala Sandro Botticelli ([ˈsandro bottiˈtʃɛlli]), kien pittur Taljan tar-Rinaxximent Bikri. Ir-reputazzjoni ta’ Botticelli wara mewtu batiet sal-aħħar tas-seklu 19, meta mbagħad ix-xogħol tiegħu reġa’ ġie skopert mill-Pre-Raffaeliti li stimolaw rivalutazzjoni ta’ xogħlu. Minn dak iż-żmien ’il quddiem, il-pitturi tiegħu bdew jitqiesu bħala rappreżentazzjoni tal-grazzja lineari tal-pittura Rinaxximentali Bikrija.

Minbarra s-suġġetti mitoloġiċi li għalihom huwa magħruf l-iktar fil-preżent, Botticelli pitter firxa wiesgħa ta’ suġġetti reliġjużi (inkluż għexieren ta’ pitturi tal-Madonna bil-Bambin, ħafna minnhom b’għamla tonda) u anke xi ritratti. L-iktar opri magħrufa tiegħu huma t-Twelid ta’ Venere u r-Rebbiegħa (bit-Taljan: Primavera), li t-tnejn li huma jinsabu fl-Uffizi, f’Firenze. Botticelli għex ħajtu kollha fl-istess kwartier ta’ Firenze; l-unika żmien sinifikanti li qatta’ xi mkien ieħor kienu x-xhur li qatta’ jpitter f’Pisa fl-1474 u f’Ruma fl-1481-82 meta pitter fil-Kappella Sistina.[2]

Waħda biss mill-pitturi ta’ Botticelli, in-Natività Mistika (fil-Gallerija Nazzjonali ta’ Londra), għandha iskrizzjoni bid-data (l-1501), mentri l-oħrajn jistgħu jiġu datati bi gradi jvarjaw ta’ ċertezza abbażi ta’ rekords fl-arkivji; għalhekk, l-iżvilupp tal-istil tiegħu jista’ jiġi traċċat b’ċertu ċertezza. Huwa kien jaħdem b’mod indipendenti matul is-snin 70 tas-seklu 15, u matul dak iż-żmien bena reputazzjoni tajba ħafna. Fis-snin 80 tas-seklu 15 kiseb l-ikbar suċċessi, permezz tal-pitturi mitoloġiċi kbar tiegħu kif ukoll ħafna mill-pitturi tal-Madonna l-iktar famużi tiegħu. Sas-snin 90 tas-seklu 15, l-istil tiegħu sar iktar personali u sa ċertu punt iktar isegwi r-regoli prestabbiliti. L-aħħar xogħlijiet tiegħu jidher li kien qabad miexi f’direzzjoni opposta ta’ dik li kien qabad Leonardo da Vinci (li għal seba’ snin kien taħtu) u l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ pitturi li ħolqu l-istil Rinaxximentali Għoli, u minflok irritorna lejn stil li ħafna ddeskrivew bħala iktar “Gotiku” jew“arkajku”.

Ħajja Bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Botticelli twieled fil-belt ta’ Firenze fi kwartier li għadu jismu Borgo Ognissanti (“il-kwartier tal-qaddisin kollha”) sa żminijietna. Huwa għex fl-istess kwartier għal ħajtu kollha u ndifen fil-knisja bl-istess isem tal-kwartier tiegħu. Sandro Botticelli kien wieħed mill-bosta tfal li kellu missieru, il-konzier Mariano di Vanni d'Amedeo Filipepi, u kien l-iżgħar wild minn erba’ li baqgħu ħajjin sa ma saru adulti.[3] Id-data tat-twelid preċiża tiegħu mhijiex ċerta, iżda mir-ritorni tat-taxxa ta’ missieru fis-snin ta’ wara twelidu jidher li kellu sentejn fl-1447 u 13-il sena fl-1458, li jfisser li żgur twieled bejn l-1444 u l-1446.[4]

Dettall tal-Venere ta’ Botticelli, waħda mill-iktar kapulavuri famużi tiegħu

Fl-1460, missier Botticelli ma baqax jaħdem bħala konzier u sar arġentier tad-deheb ma’ ibnu l-ieħor, Antonio. Din il-professjoni ġabet il-familja f’kuntatt ma’ firxa ta’ artisti.[5] Giorgio Vasari, fl-opra tiegħu l-Ħajja ta’ Botticelli, irrapporta li Botticelli inizjalment kien ġie mħarreġ bħala arġentier tad-deheb.[6]

Il-kwartier tal-qaddisin kollha

Il-kwartier tal-qaddisin kollha kien “kwartier mudest, li kien abitat minn nissieġa u ħaddiema oħra”[7], iżda kien hemm xi familji għonja wkoll, fosthom il-familja Rucellai, grupp għani ta’ bankiera u ta’ merkanti tas-suf. Il-kap tal-familja, Giovanni di Paolo Rucellai, ikkummissjona l-Palazz Rucellai tant famuż, post ikoniku u għeliem tal-arkitettura Rinaxximentali Taljana, minn Leon Battista Alberti, bejn l-1446 u l-1451, fl-ewwel snin tat-tfulija ta’ Botticelli. Sal-1458, il-familja ta’ Botticelli kienet qed tikri d-dar tagħha mingħand il-familja Rucellai, li kienet waħda mill-ħafna affarijiet li rabtet flimkien liż-żewġ familji.[7]

Fl-1464, missieru xtara dar fi triq fil-qrib jisimha Via Nuova (li llum jisimha Via della Porcellana) u li fiha Sandro Botticelli għex mill-1470 (jekk mhux qabel) sa mewtu fl-1510. Botticelli għex u ħadem id-dar (prattika pjuttost mhux tas-soltu) minkejja li l-aħwa tiegħu Giovanni u Simone kienu jgħixu hemm ukoll. Il-ġirien l-iktar notevoli tal-familja Botticelli kienu l-familja Vespucci, fosthom Amerigo Vespucci, li wassal għat-tismija tal-Amerka ta’ Fuq u tal-Amerka t’Isfel. Il-familja Vespucci kienet alleata mal-familja Medici u eventwalment kienu regolarment imorru għand il-familja Botticelli.[8]

Il-laqam Botticelli, li jfisser “btieti żgħar”, oriġina mil-laqam ta’ ħu Sandro Botticelli, Giovanni, li kienu jgħidulu “Botticello” milli jidher għaliex kien imbaċċaċ. Dokument tal-1470 jirreferi għal Sandro bħala “Sandro Mariano Botticelli”, li jfisser li kien adotta dak il-kunjom għalkollox.[4]

Karriera qabel Ruma

[immodifika | immodifika s-sors]
Madonna bil-Bambin u San Ġwann Battista, għall-ħabta tal-1470-1475, Louvre

Minn madwar l-1461 jew l-1462, Botticelli kien apprendist ta’ Fra Filippo Lippi, wieħed mill-pitturi ewlenin ta’ Firenze u pittur ippreferut tal-familja Medici.[9] Mingħand Lippi, Botticelli tgħallem kif joħloq kompożizzjonijiet intimi b’figuri melankoliċi sbieħ impinġija b’kontorni ċari u b’kemxejn kuntrasti biss ta’ dawl u dell. Għall-biċċa l-kbira ta’ dan il-perjodu Lippi kien ibbażat fi Prato, ftit kilometri fil-Punent ta’ Firenze, fejn wettaq l-affreski tal-apsida tal-Katidral attwali ta’ Prato. X’aktarx li Botticelli ma baqax apprendist ta’ Lippi wara April 1467, u mar jaħdem fi Spoleto.[10] Kien hemm ħafna spekulazzjoni dwar jekk Botticelli qattax perjodu iqsar bħala apprendist xi mkien ieħor, pereżempju għand l-aħwa Pollaiuolo jew għand Andrea del Verrocchio. Madankollu, għalkemm iż-żewġ artisti kellhom impatt qawwi fuq l-iżvilupp bikri ta’ Botticelli, il-preżenza tal-artist għandhom meta kien żagħżugħ ma tistax tiġi aċċertata bil-provi.[11]

Lippi miet fl-1469. Sa dak iż-żmien x’aktarx li Botticelli kellu l-post tiegħu nnifsu fejn jaħdem, u f’Ġunju ta’ dik is-sena ġie kkummissjonat biex iwettaq panew tal-Fortezza (jiġifieri “Qawwa”; li tinsab fl-Uffizi) biex jakkumpanja sett tas-Seba’ Virtuwijiet li ġew ikkummissjonati sena qabel minn Piero del Pollaiuolo.[12] Il-panew ta’ Botticelli adotta l-format u l-kompożizzjoni tal-pitturi ta’ Piero iżda pitter figura iktar eleganti u b’pożi naturali u inkluda firxa ta’ “arrikimenti ta’ tiżjin sabiex joħroġ fid-dieher in-nuqqas ta’ invenzjoni ornamentali ta’ Piero”.[13]

Fl-1472 Botticelli laqa’ l-ewwel apprendist tiegħu, Filippino Lippi, iben l-imgħallem tiegħu.[14] Spiss ikun diffiċli li wieħed jiddistingwi x-xogħlijiet ta’ Botticelli u Filippino minn dawn is-snin, fosthom bosta pitturi tal-Madonna bil-Bambin. It-tnejn minn żmien għal żmien ikkollaboraw, bħal fil-panewijiet minn par żarmat ta’ cassoni, li issa huma diviżi bejn il-Louvre, il-Gallerija Nazzjonali tal-Kanada, il-Musée Condé f’Chantilly u fil-Gallerija Pallavicini f’Ruma.[15]

Pitturi bikrin ewlenin

[immodifika | immodifika s-sors]
San Bastjan, 1474
L-Adorazzjoni tal-Maġi, 1475, fl-Uffizi

L-iktar pittura bikrija ta’ fuq l-artal hija sacra conversazione kbira ta’ madwar l-1470-1472, li issa tinsab fl-Uffizi. Il-pittura turi l-ħakma bikrija li Botticelli kellu tal-kompożizzjoni, bi tmien figuri rranġati “b’naturalezza sħiħa f’ambjent arkitettoniku magħluq”.[16]

Xogħol ieħor minn dak il-perjodu huwa s-San Bastjan f’Berlin, li ġie mpitter għal pilastru tal-Katidral ta’ Santa Marija Maġġuri, f’Firenze.[17] Dan ix-xogħol ġie mpitter ftit wara l-pittura ferm ikbar tal-aħwa Pollaiuolo ta’ fuq l-artal tal-istess qaddis (Londra, National Gallery). Għalkemm il-qaddis ta’ Botticelli għandu poża simili ħafna għal dik tal-pittura tal-aħwa Pollaiuolo, huwa iktar kalm kif ukoll iktar irpożat. Il-ġisem kważi għerwien tal-qaddis huwa mpinġi b’reqqa kbira u bi preċiżjoni anatomika, u dan jirrifletti l-istudju mill-qrib tal-ġisem tal-bniedem mill-artist żagħżugħ. Il-pajsaġġ xitwi delikat, b’referenza għal jum il-festa tal-qaddis li taħbat f’Jannar, huwa ispirat mill-pittura kontemporanja tan-Netherlands, li kienet apprezzata ferm f’Firenze.[18]

Sacra conversazione, magħrufa wkoll bħala Pala di Sant'Ambrogio, 1470-1472

Fil-bidu tal-1474, Botticelli ntalab mill-awtoritajiet f’Pisa biex jissieħeb fix-xogħol tal-affreski f’Camposanto, proġett enormi u prestiġjuż li kien qed jitwettaq l-iktar minn Benozzo Gozzoli, li qatta’ kważi għoxrin sena jaħdem fuqu. Ġew irreġistrati diversi pagamenti sa Settembru, iżda l-ebda opra ma waslet sa żminijietna, u milli jidher kwalunkwe opra li Botticelli seta’ beda qatt ma tlestiet. Kien x’kien l-eżitu, il-fatt li Botticelli ġie msejjaħ minn barra Firenze juri li r-reputazzjoni tiegħu kienet qed tikber.[19]

L-Adorazzjoni tal-Maġi għall-Knisja ta’ Santa Maria Novella (għall-ħabta tal-1475-1476, li issa tinsab fl-Uffizi, u l-ewwel waħda minn tmien Adorazzjonijiet)[20], ġiet imfaħħra individwalment minn Vasari, u kienet tinsab fi knisja li jżuruha ħafna nies, b’hekk ir-reputazzjoni ta’ Botticelli kompliet tikber. Tista’ titqies bħala l-quċċata tal-istil bikri ta’ Botticelli. Minkejja li ġiet ikkummissjonata minn persuna li kienet issarraf jew issellef il-flus, li kien alleat tal-familja Medici, fiha r-ritratti ta’ Cosimo de Medici, ta’ uliedu Piero u Giovanni (li kienu laħqu mietu meta twettqet il-pittura), u tan-neputijiet tiegħu Lorenzo u Giuliano. Hemm ukoll ritratti tad-donatur u fil-fehma ta’ bosta, dak ta’ Botticelli nnifsu, bilwieqfa fuq quddiem lejn il-lemin. Il-pittura ġiet iċċelebrata għall-varjetà tal-angoli li minnhom ġew impittra l-uċuħ, u għall-espressjonijiet tagħhom.[21]

Pittura tonda tal-Madonna bil-Bambin, bi tmien ġilji u bi tmien anġli jkantaw, għall-ħabta tal-1478

Affresk kbir għall-binja tad-dwana ta’ Firenze, li issa ntilef, kien juri l-qtil bit-tgħalliq tal-mexxejja tal-konfoffa tal-familja Pazzi tal-1478 kontra l-familja Medici. Kienet drawwa ta’ Firenze li t-tradituri jiġu umiljati b’dan il-mod, permezz tal-hekk imsejħa “pittura infamante”.[22] Din kienet l-ewwel kummissjoni maġġuri ta’ affresk li kellu Botticelli (apparti dak ta’ Pisa li ma twettaqx), u jaf wassal biex jibagħtu għalih minn Ruma. Il-figura ta’ Francesco Salviati, l-Arċisqof ta’ Pisa tneħħiet fl-1479, wara l-protesti mill-Papa, u l-kumplament inqerdu wara l-espulsjoni tal-familja Medici u r-ritorn tal-familja Pazzi fl-1494.[23] Xogħol ieħor li ntilef kien il-pittura tonda tal-Madonna li ġiet ordnata minn bankier minn Firenze f’Ruma biex jippreżentaha lill-Kardinal Francesco Gonzaga; x’aktarx li b’hekk xogħol Botticelli sar iktar magħruf f’Ruma. Affresk ieħor fil-Palazzo Vecchio, il-kwartieri ġenerali tal-istat ta’ Firenze, intilef fis-seklu ta’ wara meta Vasari mmudella l-binja mill-ġdid.[24]

L-affresk ta’ Santu Wistin, 1480

Fl-1480, il-familja Vespucci kkummissjonat affresk ta’ Santu Wistin għall-Knisja tal-Qaddisin Kollha, il-knisja parrokkjali tagħhom u ta’ Botticelli. Xi ħadd ieħor, probabbilment fit-tmexxija tal-knisja[25], ikkummissjona lil Domenico Ghirlandaio biex ipitter affresk ta’ San Ġlormu faċċata ta’ Santu Wistin; iż-żewġ qaddisin intwerew huma u jiktbu fl-istudjo tagħhom, miżgħud bl-oġġetti. Bħal f’każijiet oħra, kompetizzjoni diretta bħal din “kienet dejjem tixpruna lil Botticelli jagħmel l-almu tiegħu”, u l-affresk, li huwa l-iktar wieħed bikri tiegħu li wasal sa żminijietna, jitqies bħala l-ifjen wieħed tiegħu skont Ronald Lighbown.[26] Il-ktieb miftuħ ’il fuq mill-qaddis fih waħda miċ-ċajtiet prattiċi li Vasari jgħid li kien magħruf għalihom. Il-biċċa l-kbira tat-“text” huwa tħarbix, iżda sentenza minnhom tgħid: “Fejn qiegħed Fra Martin? Ħareġ. U fejn mar? Qiegħed barra minn Porta al Prato”, li x’aktarx kien djalogu li sema’ mill-Umiliati, l-Ordni li kienet tmexxi l-knisja.[27]

Kappella Sistina

[immodifika | immodifika s-sors]
Iż-Żgħożija ta’ Mosè fil-Kappella Sistina

Fl-1481, il-Papa Sestu IV sejjaħ lil Botticelli u lil artisti prominenti oħra minn Firenze u minn Urbino biex jiksu l-ħitan tal-Kappella Sistina li kienet għadha kemm inbniet bl-affreski. Dan il-proġett kbir kellu jkun it-tiżjin ewlieni tal-kappella. Il-biċċa l-kbira tal-affreski għadhom hemm iżda s-sbuħija tagħhom ma tantx titqies ħdejn dik li tispikka fil-kapulavuri ta’ Michelangelo tas-seklu ta’ wara, u wħud mill-affreski bikrin inqerdu biex Michelangelo jkollu iktar spazju fejn jagħmel il-pitturi tiegħu.[28] Huwa maħsub li l-kontribut ta’ Firenze kien parti minn patt għall-paċi bejn Lorenzo de' Medici u l-Papat. Wara li l-Papa Sestu kien implikat fil-konfoffa tal-familja Pazzi, l-ostilitajiet eskalaw fi skomunika għal Lorenzo u għal uffiċjali oħra minn Firenze kif ukoll għal “gwerra” żgħir tal-familja Pazzi.[29]

L-iskema ikonografika kienet par ċikli, faċċata ta’ xulxin fuq in-naħa tal-kappella, tal-Ħajja ta’ Kristu u l-Ħajja ta’ Mosè, li flimkien jindikaw is-supremazija tal-Papat. Il-kontribut ta’ Botticelli kien jinkludi tlieta mill-erbatax-il xena kbira oriġinali: it-Tentazzjonijiet ta’ Kristu, iż-Żgħożija ta’ Mosè u l-Kastig ta’ Ulied Korah (jew diversi titli oħra)[30], kif ukoll bosta mir-ritratti immaġinarji ta’ Papiet fil-livell ta’ fuq, u pitturi ta’ suġġetti mhux magħrufa fil-lunetti ta’ fuq, fejn attwalment hemm is-saqaf tal-Kappella Sistina mpitter minn Michelangelo. Botticelli jista’ jkun pitter xena oħra fuq il-ħajt ta’ faċċata tal-artal, li nqered.[31] Kull pittur ġab tim ta’ assistenti li kienu jaħdmu miegħu, peress li l-ispazju li kellu jiġi miksi bl-affreski kien wieħed konsiderevoli; kull wieħed mill-panewijiet prinċipali kien fih 3.5 metri b’5.7 metri, u x-xogħol twettaq fi ftit xhur.[32]

Vasari jimplika li Botticelli kien ingħata r-riedni ġenerali tal-proġett artistiku f’idejh, iżda l-istoriċi moderni tal-arti jaħsbu li x’aktarx dak ir-rwol ingħata lil Pietro Perugino, l-ewwel artist li ġie impjegat, jekk wara kollox kien hemm tali rwol.[33] Is-suġġetti u ħafna dettalji li kellhom jiġu enfasizzati fit-twettiq, bla dubju ġew ordnati mill-awtoritajiet tal-Vatikan. L-iskemi jippreżentaw programm kumpless u koerenti li joħroġ fid-dieher is-supremazija Papali, u huma iktar unifikati f’dan l-għan milli huma fl-istil artistiku tagħhom, għalkemm l-artisti segwew skala konsistenti u perspettiva kompożizzjonali wiesgħa, b’folol ta’ figuri fuq quddiem u l-iktar pajsaġġi fin-nofs ta’ fuq tax-xena. Sabiex jitqiesu l-pilastri mpittrin li jisseparaw kull xena, il-livell tax-xefaq jaqbel bejn xena u oħra, u Mosè liebes l-istess ħwejjeġ sofor u ħodor fid-diversi xeni.[34]

Il-Kastig ta’ Ulied Korah fil-Kappella Sistina

Botticelli jvarja mill-kollegi tiegħu u jimponi kompożizzjoni iktar insistenti qisha trittiku, u jaqsam ix-xeni tiegħu fi grupp ċentrali ewlieni b’żewġ gruppi fil-ġnub, li juru ġrajjiet differenti.[35] F’kull grupp, il-figuri prinċipali ta’ Kristu jew ta’ Mosè jidhru diversi drabi, seba’ drabi fil-każ taż-Żgħożija ta’ Mosè.[36] It-tletin ritratt ivvintat tal-iktar Papiet bikrin ġew impittrin l-iktar minn Botticelli, minn tal-inqas fil-produzzjoni tal-kontorni tal-kartun li kienu jintużaw biex jitpittru l-affreski. Minn dawk li waslu sa żminijietna, il-biċċa l-kbira tal-istudjużi jaqbli li għaxra minnhom ġew iddisinjati minn Botticelli, u ħamsa oħra x’aktarx li ġew iddisinjati parzjalment minnu, għalkemm kollha ġarrbu xi ħsarat u ġew irrestawrati.[37]

Il-Kastig ta’ Ulied Korah fih dik li għal Botticelli kienet kopja mhux tas-soltu li kienet qrib, jekk mhux eżatta, ta’ opra klassika. Din hija l-opra fiċ-ċentru tan-naħa tat-Tramuntana tal-Ħnejja ta’ Kostantinu f’Ruma, li Botticelli rrepeta għall-ħabta tas-sena 1500 fl-Istorja ta’ Lucrezia.[38] Peress li ma tantx kien iħobb ipinġi l-antikitajiet ta’ Ruma fil-ħin liberu tiegħu, kif kienu jħobbu jagħmlu ħafna artisti ta’ żmienu, milli jidher hemmhekk pitter Adorazzjoni tal-Maġi, li issa tinsab fil-Gallerija Nazzjonali tal-Arti f’Washington.[39] Fl-1482 Botticelli reġa’ lura Firenze, u apparti mill-affreski mitlufa tiegħu għall-villa tal-familja Medici fi Spedaletto xi sena jew iktar wara, ma ġewx iddokumentati iktar mawriet lil hinn minn Firenze. Wisq probabbli kien ilu ’l bogħod minn Firenze minn Lulju 1481 sa mhux iktar tard minn Mejju 1482.[40]

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Campbell, Lorne, Renaissance Portraits, European Portrait-Painting in the 14th, 15th and 16th Centuries, 1990, Yale, ISBN 0-300-04675-8
  • Davies, Martin, Catalogue of the Earlier Italian Schools, National Gallery Catalogues, 1961, stampat mill-ġdid 1986, ISBN 0-901791-29-6
  • Dempsey, Charles, "Botticelli, Sandro", Grove Art Online, Oxford Art Online. Oxford University Press.
  • "Ettlingers": Leopold Ettlinger with Helen S. Ettlinger, Botticelli, 1976, Thames and Hudson (World of Art), ISBN 0-500-20153-6
  • Hartt, Frederick, History of Italian Renaissance Art, (2nd edn.)1987, Thames & Hudson (US Harry N Abrams), ISBN 0-500-23510-4
  • Hudson, Mark, "Before Bowie, there was Botticelli", The Daily Telegraph
  • Landau, David, in Landau, David, and Parshall, Peter. The Renaissance Print, Yale, 1996, ISBN 0-300-06883-2
  • Legouix, Susan, Botticelli, 2004 (revd edn), Chaucer Press, ISBN 1-904449-21-2
  • Lightbown, Ronald, Sandro Botticelli: Life and Work, 1989, Thames and Hudson, ISBN 978-0-500-09206-4
  • Martines, Lauro, April Blood: Florence and the Plot Against the Medici, 2003, Johnathan Cape, ISBN 0-224-06167-4
  • Reitlinger, Gerald; The Economics of Taste, Vol I: The Rise and Fall of Picture Prices 1760–1960, 1961, Barrie and Rockliffe, London
  • Shearman, John, in Pietrangeli, Carlo, et al., The Sistine Chapel: The Art, the History, and the Restoration, 1986, Harmony Books/Nippon Television, ISBN 0-517-56274-X
  • Vasari, selected & ed. George Bull, Artists of the Renaissance, Penguin 1965 (BCA edn, 1979).
  • Wind, Edgar, Pagan Mysteries in the Renaissance, 1967 edn., Peregrine Books
  1. ^ Ettlingers, 7. Sorsi oħra jsostnu li twieled fl-1446, fl-1447 jew fl-1444–45.
  2. ^ Ettlingers, 199; Lightbown, 53 on the Pisa work, which does not survive
  3. ^ Lightbown, 17–19
  4. ^ a b Ettlingers, 7.
  5. ^ Lightbown, 19
  6. ^ Lightbown, 19
  7. ^ a b Lightbown, 18
  8. ^ Lightbown, 18–19
  9. ^ Lightbown, 20–26
  10. ^ Lightbown, 22, 25
  11. ^ Lightbown, 26
  12. ^ Lightbown, 52
  13. ^ Lightbown, 46; Ettlingers, 19–22
  14. ^ Dempsey, Hartt, 324; Legouix, 8
  15. ^ Nelson, Jonathan Katz (2009). ""Botticelli" or "Filippino"? How to Define Authorship in a Renaissance Workshop". Sandro Botticelli and Herbert Horne: New Research: 137–167.
  16. ^ Lightbown, 50.
  17. ^ Lightbown, 50-51.
  18. ^ Lightbown, 51–52; Ettlingers, 22–23.
  19. ^ Lightbown, 52.
  20. ^ Hartt, 324
  21. ^ Lightbown, 65–69; Vasari, 150–152; Hartt, 324–325.
  22. ^ Ettlingers, 10.
  23. ^ Hartt, 325–326; Ettlingers, 10; Dempsey.
  24. ^ Lightbown, 70.
  25. ^ Lightbown, 77.
  26. ^ Lightbown, 73–78, 74.
  27. ^ Lightbown, 73–78, 75.
  28. ^ Shearman, 38–42, 47; Lightbown, 90–92; Hartt, 326.
  29. ^ Shearman, 47; Hartt, 326; Martines, Kapitlu 10
  30. ^ Shearman, 70–75; Hartt, 326–327.
  31. ^ Shearman, 47.
  32. ^ Hartt, 327; Shearman, 47.
  33. ^ Hartt, 326–327; Lightbown, 92–94.
  34. ^ Lightbown, 90–92, 97–99, 105–106; Hartt, 327; Shearman, 47, 50–75.
  35. ^ Hartt, 327.
  36. ^ Lightbown, 99–105.
  37. ^ Lightbown, 96–97.
  38. ^ Lightbown, 106–108; Ettlingers, 202.
  39. ^ Lightbown, 111–113.
  40. ^ Lightbown, 90, 94.