Severo Ochoa
Severo Ochoa de Albornoz ([seˈβeɾo oˈtʃoa ðe alβoɾˈnoθ]; twieled fl-24 ta' Settembru 1905 – miet fl-1 ta' Novembru 1993) kien fiżiku u bijokimiku Spanjol, u rebbieħ konġunt fl-1959 tal-Premju Nobel għall-Fiżjoloġija jew għall-Mediċina ma' Arthur Kornberg.[1][2][3][4]
Edukazzjoni u ħajja bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]Ochoa twieled f'Luarca (Asturias), Spanja. Missieru kien l-avukat u n-negozjant Severo Manuel Ochoa, (li ssemma għalih), u ommu kienet Carmen de Albornoz. Ochoa kien in-neputi ta' Álvaro de Albornoz (il-President tat-Tieni Repubblika Spanjola li ġie eżiljat, 1947-1951), u l-kuġin tal-poeta u tal-kritiku Aurora de Albornoz. Missieru miet meta Ochoa kellu seba' snin, u hu u ommu ttrasferew ruħhom f'Málaga, fejn attenda l-iskola primarja sal-iskola postsekondarja. L-interess tiegħu fil-bijoloġija ġiet stimolata mill-pubblikazzjonijiet tan-newrologu Spanjol u rebbieħ tal-Premju Nobel Santiago Ramón y Cajal. Fl-1923, huwa mar fl-Iskola Medika tal-Università ta' Madrid, fejn ittama li jaħdem ma' Cajal, iżda Cajal irtira. Huwa studja mal-patri Pedro Arrupe, u Juan Negrín kien l-għalliem tiegħu:[3]
Negrin fetaħli beraħ l-orizzonti affaxxinanti tal-immaġinazzjoni tiegħi, mhux biss permezz tal-lekċers tiegħu u t-tagħlim tiegħu fil-laboratorju, iżda anke permezz tal-pariri, tal-inkoraġġiment u tal-istimolu tiegħu biex naqra monografi u kotba akkademiċi xjentifiċi b'lingwi oħra mhux bl-Ispanjol biss.[3]
Negrín ħeġġeġ lil Ochoa u lil student ieħor, José Valdecasas, biex jiżolaw il-kreatinina mill-urina. Iż-żewġ studenti rnexxielhom u żviluppaw ukoll metodu biex ikejlu livelli żgħar ta' kreatinina tal-muskoli. Ochoa qatta' s-sajf tal-1927 fl-Università ta' Glasgow jaħdem ma' D. Noel Paton fuq il-metaboliżmu tal-kreatinina u jtejjeb il-ħiliet lingwisitiċi tiegħu fl-Ingliż. Huwa kompla jtejjeb ukoll il-proċedura tal-assaġġ u kif reġa' lura Spanja hu u Valdecasas ippreżentaw dokument li jiddeskrivi x-xogħol tagħhom fil-Ġurnal tal-Kimika Bijoloġika, fejn malajr ġie aċċettat[5], u dan immarka l-bidu tal-karriera ta' Ochoa fil-bijokimika.[6]
Ochoa kiseb l-ewwel lawrja medika tiegħu fis-sajf tal-1929 u ddeċieda li jerġa' jsiefer biex ikompli jikseb iktar esperjenza fir-riċerka. Ix-xogħol tiegħu rigward il-kreatina u l-kreatinina wasslu għal stedina biex jissieħeb mal-laboratorju ta' Otto Meyerhof fl-Istitut Kaiser Wilhelm għall-Bijoloġija f'Berlin-Dahlem fl-1929. Dak iż-żmien l-istitut kien "art għammiela" tad-dixxiplina tal-bijokimika li kienet qed tevolvi malajr ħafna, u b'hekk Ochoa kellu l-esperjenza li jiltaqa' u jinteraġixxi ma' xjenzati oħra bħal Otto Heinrich Warburg, Carl Neuberg, Einar Lundsgaard, u Fritz Lipmann apparti Meyerhof stess li kien irċieva l-Premju Nobel għall-Fiżjoloġija u l-Mediċina inqas minn deċennju qabel. Fl-1930 Ochoa rritorna f'Madrid biex ilesti r-riċerka għat-teżi tiegħu li ppreżenta dik is-sena. Fl-1931 iżżewweġ lil Carmen García Cobián. Huma ma kellhomx tfal flimkien. Imbagħad beda l-istudji ta' wara d-dottorat tiegħu fl-Istitut Nazzjonali għar-Riċerka Medika f'Londra, fejn ħadem ma' Henry Hallett Dale. Ir-riċerka tiegħu f'Londra kienet fuq l-enżima gliossalasju u kienet punt ta' tluq importanti fil-karriera ta' Ochoa għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, ix-xogħol tiegħu mmarka l-bidu tal-interess dejjiemi ta' Ochoa fl-enżimi. It-tieni, il-proġett witta t-triq għall-istudju tal-metaboliżmu intermedjarju li kien qed jevolvi malajr ħafna.[3]
Karriera u riċerka
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1933 Ochoa rritorna f'Madrid flimkien ma' martu u beda jistudja l-glikoliżi fil-muskoli tal-qalb. Fi żmien sentejn, huwa ngħata t-tmexxija tas-Sezzjoni tal-Fiżjoloġija fl-Istitut ġdid għar-Riċerka Medika fl-Iskola Medika tal-Università ta' Madrid. B'xorti ħażina l-ħatra waslet fl-istess żmien li faqqgħet il-Gwerra Ċivili Spanjola. Ochoa ddeċieda li jipprova jwettaq ir-riċerka f'ambjent li qered għal dejjem "l-opportunitajiet tiegħu li qatt isir xjenzat". B'hekk, "wara ħafna ħsieb, flimkien ma' martu ddeċieda li jitlaq minn Spanja". F'Settembru 1936 bdew dak li iktar 'il quddiem huwa sejjaħ is-"snin tal-ivvjaġġar" fejn ivvjaġġa minn Spanja sal-Ġermanja, sal-Ingilterra, u fl-aħħar fl-Istati Uniti fi żmien ta' erba' snin.[3][7]
Ochoa telaq minn Spanja u rritorna fl-Istitut Kaiser Wilhelm għall-Bijoloġija ta' Meyerhof li issa ġie rrilokat f'Heidelberg, fejn Ochoa beda jiffoka fuq riċerka kompletament differenti. Matul iż-żjara tiegħu tal-1930, ix-xogħol tal-laboratorju kien tal-"fiżjoloġija klassika", li Ochoa ddeskriva bħala "żmien fejn wieħed kien jara l-muskoli kullimkien". Sal-1936 il-laboratorju ta' Meyerhof kien sar wieħed mill-faċilitajiet bijokimiċi ta' quddiem nett fid-dinja ffukati fuq proċessi bħall-glikoliżi u l-fermentazzjoni. Minflok l-istudju tal-muskoli, il-laboratorju beda jippurifika u jikkaratterizza l-enżimi involuti fl-azzjoni tal-muskoli u dawk involuti fil-fermentazzjoni tal-ħmira.
Minn dak iż-żmien sal-1938, kellu bosta karigi u ħadem ma' ħafna nies f'diversi postijiet. Pereżempju, Otto Meyerhof ħatru Assistent tar-Riċerka Temporanju fl-Istitut Kaiser Wilhelm għar-Riċerka Medika f'Heidelberg għal sena. Mill-1938 sal-1941 huwa kien Dimostratur u Assistent tar-Riċerka ta' Nuffield fl-Università ta' Oxford.
Stati Uniti
[immodifika | immodifika s-sors]Ochoa mbagħad mar l-Istati Uniti, fejn mill-ġdid kellu bosta karigi f'diversi universitajiet. Bejn l-1940 u l-1942, Ochoa ħadem għall-Fakultà tal-Mediċina tal-Università ta' Washington f'St. Louis. Fl-1942 inħatar Riċerkatur tal-Mediċina fl-Iskola tal-Mediċina tal-Università ta' New York u sussegwentement sar ukoll Assistent Professur tal-Bijokimika (1945), Professur tal-Farmakoloġija (1946), Professur tal-Bijokimika (1954), u President tad-Dipartiment tal-Bijokimika.
Fl-1956 sar ċittadin Amerikan. Fl-1959, Ochoa u Arthur Kornberg ingħataw il-Premju Nobel għall-Fiżjoloġija jew għall-Mediċina "għall-iskoperta tagħhom tal-mekkaniżmi fis-sinteżi bijoloġika tal-aċidu ribonuklejku u tal-aċidu deossiribonuklejku".
Ochoa kompla r-riċerka dwar is-sinteżi tal-proteini u r-replikazzjoni tal-viruses tal-RNA sal-1985, meta rritorna fi Spanja li kienet saret demokratika u ta konsulenzi lill-awtoritajiet Spanjoli tal-politika tax-xjenza. Ochoa rċieva wkoll il-Medalja Nazzjonali għax-Xjenza tal-Istati Uniti fl-1978.
Severo Ochoa miet f'Madrid, Spanja fl-1 ta' Novembru 1993. Carmen García Cobián Ochoa kienet mietet fl-1986.
Ferm wara mewtu, l-attriċi Spanjola Sara Montiel iddikjarat li hi u Severo Ochoa kellhom relazzjoni romantika (mhux ikkonfermata) fis-snin 50 tas-seklu 20, f'intervista fil-gazzetta Spanjola El País: "El gran amor de mi vida ha sido Severo Ochoa. Pero fue un amor imposible. Clandestino. Estaba casado y, además, no pegaba que él estuviera investigando y yo haciendo películas" ("L-imħabba kbira ta' ħajti kien Severo Ochoa. Iżda kienet imħabba impossibbli. Klandestina. Kien miżżewweġ, u barra minn hekk, il-fatt li hu kien jagħmel ir-riċerka u jien naħdem il-films ma kinux imorru tajjeb ħafna flimkien").[8]
Legat
[immodifika | immodifika s-sors]Ċentru ġdid tar-riċerka barra Madrid li kien ippjanat fis-snin 70 tas-seklu 20, inbena u ssemma għalih, iċ-Centro de Biología Molecular Severo Ochoa. Fin-Nofsinhar ta' Madrid, hemm sptar li ssemma għalih, kif ukoll l-istazzjon tal-metro ta' Madrid li jaqdi l-Hospital Severo Ochoa.[9]
L-asterojde 117435 Severochoa ssemmiet għalih ukoll.
F'Ġunju 2011, is-Servizz Postali tal-Istati Uniti ħareġ bolla ddedikata lilu, bħala parti mill-kollezzjoni tax-Xjenzati Amerikani, flimkien ma' Melvin Calvin, Asa Gray, u Maria Goeppert-Mayer, fit-tielet volum tas-serje.[10]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Kornberg, Arthur (1997). "Severo Ochoa (24 September 1905–1 November 1993)". Proceedings of the American Philosophical Society. 141 (4): 479–491.
- ^ Kornberg, Arthur (2001). "Remembering our teachers". The Journal of Biological Chemistry. 276 (1): 3–11.
- ^ a b ċ d e Ochoa, S. (1980). "A Pursuit of a Hobby". Annual Review of Biochemistry. 49: 1–30.
- ^ "The Nobel Prize in Physiology or Medicine 1959". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-02.
- ^ Ochoa, S.; Valdecasas, J. G. (1929). "A micromethod for the estimation of total creatinine in muscle". J. Biol. Chem. 81 (2): 351–357.
- ^ Grunberg-Manago, Marianne (1997). "Severo Ochoa. 24 September 1905–1 November 1993: Elected For.Mem.R.S. 1965". Biographical Memoirs of Fellows of the Royal Society. 43: 351–365.
- ^ Singleton, R. Jr. (2007). "Ochoa, Severo." In New Dictionary of Scientific Biography, Noretta Koertge (ed.), vol. 5, pp. 305–12.
- ^ Jaime, Víctor Núñez (2015-02-19). ""En 54 años no ha salido nadie como yo"" (bl-Ispanjol). Madrid. Miġbur 2021-11-02.
- ^ "Centro de Biología Molecular Severo Ochoa". www.cbm.uam.es (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-11-02. Miġbur 2021-11-02.
- ^ "American Scientists | Stamp Issue | USA Philatelic". web.archive.org. 2011-04-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-04-04. Miġbur 2021-11-02.