Location via proxy:   [ UP ]  
[Report a bug]   [Manage cookies]                
Aqbeż għall-kontentut

Lumija

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Lumija
Klassifikazzjoni xjentifika
Renju: Plantae
(mhux klassifikata): Anġjospermi
(mhux klassifikata): Eudicots
(mhux klassifikata): Rosids
Ordni: Sapindales
Familja: Rutaceae
Ġeneru: Ċitru
Speċi: C. × limon
Isem binominali
Citrus × limon, spiss jingħata bħala C. limon


Il-lumija (Citrus × limon) hija kkonsidrata indiġena ġewwa l-Asja, u tipproduċi frott ta' lewn safrani. Din il-frotta hija użata ħafna fil-kċina waqt il-preparazzjoni ta' xi riċetta partikolari, iżda dan il-fattur ma jiddeterminax l-użu komplet tal-lumija, dan għaliex bosta huma dawk li jużaw il-lumija għall-meraq nutrittiv tagħha. Il-polpa u l-qoxra tal-lumija huma użati fit-tisjir sabiex ikunu jistgħu iżidu mal-aroma tal-platt. Il-meraq jikkonsisti minn 5 sa 6% aċidu ċitriku, li jagħmel lil-Lumija frotta qarsa. It-togħma distinta u qarsa tal-meraq tal-lumija, tagħmilha ingredjent essenzjali għax-xorb u għall-ikel, bħal-luminata.


Il-fjura tal-Lumija

L-oriġini tas-siġra tal-lumi huwa misteru li għad m'hemm l-ebda prova ċara dwaru, iżda spiss jingħad, li l-Lumi nibet l-ewwel fin-nofsinhar tal-Indja, fit-tramuntana ta' Burma u fiċ-Ċina. Però l-istudju ġenetiku li jirrigwarda lil-lumija minn taħt perspettiva xjentifika jgħid xorta oħra, jgħid li l-lumija hija ibrida bejn larinġa qarsa u ċ-ċitrun. Skont Josephus, il-lumi kien magħruf sewwa mil-Lhud ta' Ġerusalem, tant illi jagħtina deskrizzjoni kemxejn umoristika tal-Lhud jwaddbu l-lumi lil wieħed mill-messaġġiera tal-qassisin il-kbar matul il-festival fis-snin disgħin QK, minkejja li t-tradizzjoni Lhudija tibqa' ssostni li dan kien seħħ billi ġie użat frott taċ-ċitru ieħor, u mhux lumi. Il-lumi daħal fl-Ewropa min-nofsinhar tal-Italja għal mhux iktar tard mill-ewwel seklu WK, matul il-perjodu ta' Ruma l-antika. Minkejja l-fatt li ma kinux ikkultivati ħafna. Wara l-lumi ġie introdott fil-Persja u mbagħad fl-Iraq u fl-Eġittu għall-ħabta tas-sena 700 WK. Il-lumija hija msemmija fil-letteratura Għarbija tas-seklu 10, li tittratta l-biedja. Minbarra l-użu ġenerali tagħha, l-lumija kienet użata wkoll bħala pjanta ornamentali f'bosta ġonna Iżlamiċi, sinjal ċar li jirrappreżenta l-ħakma Għarbija f'bosta postijiet speċjalment dawk Mediterranji. Il-lumi kien iddistribwit b'mod wiesgħa madwar id-dinja Għarbija, u fir-reġjun Mediterranju bejn l-ewwel millenju (1000) u s-sena 1,150.

L-ewwel kultivazzjoni sostanzjali tal-lumi kienet bdiet fl-Ewropa, proprju f'Genoa għal nofs is-seklu ħmistax. Imbagħad il-lumija kienet introdotta fl-Amerika, fl-1493, meta Kristoforu Kolombu ġarr iż-żerriegħa tal-lumija lejn Hispaniola hu u jivvjaġġa lejn bosta bnadi qatt skoperti mill-bniedem. Il-ħakma Spanjola madwar id-dinja l-ġdida għenet fit-tixrid taż-żrieragħ tal-lumi. Il-lumija hija prinċipalment użata bħala pjanta ornamentali kif ukoll għall-mediċina. Fis-seklu 19, il-lumi beda jinżera' f'diversi bnadi mbiegħda mill-oriġini vera taghħhom, f'postijiet bħal Florida u l-Kalifornja. Fl-1747, l-esperimenti ta' James Lind fuq il-baħħara li bdew isofru mill-iskurvi involvew iż-żieda tal-meraq tal-lumi fid-dieti tagħhom, minkejja l-fatt li ħadd ma kien jaf rigward l-vitamina Ċ. Id-derivazzjoni tal-kelma lumija mhijiex magħrufa iżda jista' jkun li ġejja mill-Għarbi. Il-kelma 'lumija' tidher għall-ewwel darba fid-dokument dognali Ingliż nofsani, li nħareġ bejn l-1420 u l-1421. Il-kelma tidher li hija misluta mill-kelma arkajka Franċiża 'limon', li hija l-kelma minn fejn ġiet mnissla l-kelma Taljana Limone. Però wisq probabbli, id-derivazzjoni tal-kelma 'lumija' hija ġejja mill-Għarbi (laymūn jew līmūn ليمون, u mill-kelma Persjana līmūn لیمو, terminu ġeneriku għall-frott taċ-ċitru, li jixxiebah mal-kelma निम्ब (nimbū, “meraq tal-lumi”, bis-Sanskritt.

Użu fil-kċina

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-meraq u l-qoxra tal-lumija huma użati ħafna f'diversi ikel u xorb. Il-meraq nutrittiv tal-lumija huwa użat sabiex jgħin fl-għamla ta' bosta xarbiet, ngħidu aħna: għal-luminata, għax-xorb mhux alkoħoliku u għall-koktejls. Il-lumija hija użata wkoll sabiex tinnutralizza l-amini tal-ħuta u tikkonvertihom f'ammonju li ma jagħmilx ħsara lill-ġisem, u għal-laħam fejn l-aċtu jirnexxilu jiddrolizza l-fibri ebsin, u għalhekk il-laħam isir tari. Però l-PH baxxa toqtol lill-proteina, li hija komposta minn diversi enżemi differenti, għalhekk wieħed jista' jistenna, li l-laħam sejjer jinxef hekk malli jagħmel kuntatt mas-sħana tal-forn. Il-meraq tal-lumija huwa użat ta' sikwit fir-renju Unit, fejn huwa mitfugħ fuq il-penkejks, speċjalment fuq ix-Shrove ta' nhar it-Tlieta. Il-meraq tal-lumija huwa użat ukoll bħala preservattiv konċiż fuq ċertu ikel li għandu it-tendenza li jossidaw u jsir kannella wara li jkunu mqatta', bħat-tuffieħ, il-banana u l-Avokado, u għalhekk l-aċtu preżenti fil-lumija għandu jgħin fil-qatla ta' dawk l-enżemi li jikkawżaw it-tiswid ta' dan il-frott.

Il-meraq u l-qoxra tal-lumija huma użati biex jikkreaw il-marmellata u l-liker tal-lumi. Il-biċċiet u l-qoxra tal-lumi huma użati bħala dekorazzjoni għal mal-ikel u għal max-xorb. Il-qoxra esterna u maħkuka tal-frotta. hija użata sabiex iżżid it-togħma lill-ikel moħmi, lill-pudini, lir-ross u 'l dixxijiet oħra. Il-lumi ppreservat huwa parti mill-kċina Marokkina. Il-lumi huwa wieħed mill-ingredjenti prinċipali fl-ikliet Indjani. Il-pickel tal-lumi jew tal-Mango, huma parti mill-ikliet rikorrenti fin-nofsinhar tal-Indja. Il-weraq tas-siġra tal-lumija huma użati biex isir it-te, u biex jakkomodaw il-preparazzjoni tal-laħam imsajjar u tal-frott tal-baħar.

Siġra tal-Lumi f'Korfu
Jacob Foppen van Es

-> Il-Bonnie Brae huwa lumi tawwali, lixx, irqiq u bla żerriegħa, u huwa mkabbar fil-konti ta' San Djiegu.

-> L-arbuxxell tal-lumi jikkonsisti minn lumi naturali għall-aħħar, li jikber fis-salvagg sotto-tropiku tal-Awstralja. Il-lumi huwa ħafif u għandu ġilda ħoxna b'togħma liema bħala, u l-qoxra hija tajba għat-tisjir. Dan l-arbuxxell jista' jikber sa 4 metri tul meta jkun għax-xemx.

-> Il-Lisbona huwa lumi qares ta' kwalità tajba, li għandu livelli għoljin ta' meraq u aċtu, il-frott tal-Lisbona huwa simili ħafna meta huwa mqabbel mal-Ewreka. Is-siġar felħana u produttivi jniggżu ħafna, speċjalment meta jkunu għadhom zgħar.

-> L-Ewreka tikber matul is-sena kollha u hija abbundanti. Bażikament din hija l-lumija li nistgħu nsibu fil-ħwienet tal-ħaxix, din il-lumija hija magħrufa wkoll bħala l-erba staġuni għaliex hija kapaċi tipproduċi l-fjuri u l-frott flimkien matul is-sena. Din il-varjetà hija disponibbli wkoll, għall-konsumaturi domestiċi.

L-ogħla għaxar produtturi tal-Lumi u tal-Lajm - 2010.
Pajjiż Produzzjoni (Tunnellata)
 Indja 2,629,200
 Messiku 1,891,400
 Arġentina 1,113,380
 Ċina 1,058,105
 Brażil 1,020,350
 Stati Uniti 800,137
 Turkija 787,063
 Iran 706,800F
 Spanja 578,200F
 Italja 522,377
Dinja 13,032,388F
Mingħajr simbolu = figura uffiċjali, F = stima tal-FAO, A = Aggregat (tistgħa tinkludi uffiċjali, semi-uffiċjali jew l-istimi);

Sors: Organizzazzjoni tal-Ikel u Agrikoli tan-Nazzjonijiet Uniti: Dipartiment Ekonomiku u Soċjali: Id-Diviżjoni tal-Itatistika (EN)


Alternattivi għal-Lumija

[immodifika | immodifika s-sors]

-> Bosta pjanti jintiegħmu jew jinxtammu simili għal-Lumi.

-> Ċerti varjetajiet ta' ħabaq.

-> Cymbopogon (Il-ħaxix tal-Lumi)

-> Il-balzmu tal-Lumi, perenni erbaċej tal-menta li huma simili fil-familja Lamiaceae

-> Żewġ varjetajiet ta' ġeranju mfewwaħ Pelargonium crispum (ġeranju tal-Lumi) u l-Pelargonium x melissinum 'il-balzmu tal-Lumi'

-> Ir-riħan tal-lumija, riċentament, dan l-arbuxxell Awstraljan ġie meqjus bħala alternattiva popolari għal-Lumi. Il-weraq mgħaffeġ u niexef u ż-żjut essenzjali jagħtu togħma b'saħħitha u ħelwa lil-Lumija, imma m'hemm l-ebda traċċa ta' aċtu taċ-ċitru. Ir-riħan tal-Lumija huwa popolari f'dak l-ikel li jassoċja mal-meraq tal-Lumi, ngħidu aħna bħall-kejk tal-ġobon u l-ġelat.

-> Is-sagħtar tal-Lumi

-> Il-verbena tal-Lumi

-> Il-lajms, frotta komuni taċ-ċitru oħra, li hija użata għall-istess skop fejn is-soltu jintuza l-Lumi.

-> Ċerti kultivazzjonijiet tal-menta

-> Il-fjuri tas-siġra tal-Magnolia grandiflora

Valur Nutrittiv

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-lumija komuni tikkonsisti minn, bejn wieħed u ieħor, tlett imgħaref ta' meraq. Partikolarment, il-lumi u l-lajms għandhom konċentrazzjonijiet għolja ta' aċtu taċ-ċitru, li jista' jikkonsisti daqs 8% mill-piż niexef ta' dan il-frott (madwar 47 g/L f'meraq); il-meraq tal-lumija jikkonsisti minn madwar 5% sa 6% f'aċtu taċ-ċitru. Dawn il-figuri jvarjaw skont il-kultivar u ċ-ċirkostanzi affrontati fejn ġie mkabbar dan il-frott. Il-lumi mhux irreffriġġerat għal perjodi twal ta' ħin huma suxxettibbli għall-moffa.