Mosta
Mosta | |||
---|---|---|---|
Malta | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Malta | ||
Reġjuni ta’ Malta | Tramuntana | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 35°54′N 14°26′E / 35.9°N 14.43°EKoordinati: 35°54′N 14°26′E / 35.9°N 14.43°E | ||
Superfiċjenti | 6.8 kilometru kwadru | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 20,241 abitanti (31 Marzu 2014) | ||
Informazzjoni oħra | |||
bliet ġemellati | Ragusau Millbrae (en) | ||
mostalocalcouncil.com |
Il-Mosta hija lokalità fiċ-ċentru ta’ Malta. Il-Mosta minn raħal kiber biex issa ħa d-daqs ta' belt Maltija, jgħodd it-18,249 ċittadin Mosti. Dan jagħmel il-Mosta t-tieni l-akbar lokalità f'Malta. Il-qaddisa patruna tal-Mosta hija Santa Marija Assunta, li tiġi ċċelebrata fil-15 t'Awwissu. Iddedikata lil Santa Marija, fil-Mosta wieħed isib it-tielet l-akbar koppla fid-dinja, magħrufa aħjar bħala r-Rotunda.
Il-Mosta tinsab fuq pjanura u hija mdawra b’art agrikola fertili. Fost l-irħula ġirien hemm Ħal Lija, Burmarrad, ir-Rabat u n-Naxxar. Il-Mosta tinsab fuq ir-rotta prinċipali li minn il-Belt Valletta tagħti għaċ-Ċirkewwa u kuljum jgħaddi minnha ammont kbir ta’ traffiku li jkun qed jaqsam il-gżira min-naħa għall-oħra. Il-Mosta tinsab 9 km ‘l bogħod mill-Belt Valletta.
Il-Mosta għaddejja minn żvilupp bla waqfien, bini ġdid qed jittella' kuljum u l-komunità kummerċjali hija attiva u qed tikber. Il-popolazzjoni hija ta’ madwar 18,000 abitant u hija waħda mill-ogħla fil-gżejjer Maltin u ngħatat imbuttatura f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin bl-istabbiliment ta’ oqsma tad-djar ġodda (Santa Margerita, Tal-Blata l-Għolja, Ta’ Mlit, Iż-Żokrija).
Il-motto tal-Mosta "Spes Alit Ruricolam" jagħti xhieda lill-imgħoddi rurali tal-lokalità. Fil-fatt, il-motto ifisser "It-tama ssaħħaħ lill-bidwi". Iżda llum, l-urbanizzazzjoni mxiet ‘il quddiem u l-attivitajiet agrikoli tal-Mostin u l-art agrikola naqsu b’mod konsiderevoli filwaqt li l-erja mibnija issa xterdet għal dawk li qabel kienu l-inħawi rurali ta’ barra tar-raħal żgħir tal-Mosta, li issa saret belt sinifikanti u mimlija ħajja.
Hekk kif fl-ibliet u l-villaġġi l-oħra kollha fil-gżejjer Maltin, ir-Reliġjon Kattolika hija ħajja u attiva ħafna. B’hekk il-festa titulari tal-Mosta li hija dik ta’ Santa Marija jew ta’ Marija Assunta, hija l-quċċata fiċ-ċelebrazzjonijiet lokali reliġjużi u popolari fejn il-Mostin jinġabru quddiem ir-Rotunda f’manifestazzjoni ta’ ferħ u briju. Bħall-maġġoranza kbira ta’ l-ibliet u l-villaġġi madwar id-dinja, il-Mosta wkoll għandha l-istemma araldika tagħha. Dan is-simbolu jirrifletti t-twemmin u l-assi tal-Mosta li jidhru fil-partijiet varji ta’ l-istemma. It-tarka tal-fidda għandha salib aħmar li fiċ-ċentru tiegħu hemm ċirku tad-deheb li fih hemm stilla b’ħames ponot kulur is-sema.
Is-salib aħmar jissimbolizza l-fidi Kattolika li minn dejjem kienet predominanti fil-ħajja u t-twemmin tan-nies lokali. Iċ-ċirku jirrappreżenta r-Rotunda, il-knisja parrokkjali tal-Mosta, l-għeliem prinċipali tal-lokalità u l-bini li ma kulħadd hija l-iżjed famuża, Maltin kif ukoll barranin. L-istilla blu huwa s-simbolu tal-Madonna, qaddisa patruna tal-belt, li l-festa tagħha tiġi ċelebrata fil-15 ta’ Awwissu.
L-isem
[immodifika | immodifika s-sors]L-isem ‘il-Mosta’ għandu żewġ għeruq plawżibbli iżda għad ma ġiex stabbilit liema minn dawn huwa dak korrett. L-ewwel verżjoni joffriha l-arkitett famuż George Grognet de Vasse li ddisinja il-famusa Rotunda tal-Mosta. Skont dan l-arkitett ‘il-Mosta’ ġejja mill-kelma ‘mistur’ jew moħbi u tirreferi għas-sit fejn tinsab din il-belt. Peress li din il-pjanura hija mdawra b’għoljiet, il-Mosta donna moħbija u ma tidhirx. It-tieni ipoteżi tiffoka fuq il-kelma Għarbija ‘musta’ li tfisser ċentrali jew fin-nofs. Skont din il-verżjoni għaldaqstant l-isem ġej mill-pożizzjoni tas-sit fiċ-ċentru tal-gżira ta’ Malta.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Għalkemm jista’ hemm xi dubji dwar minn liema minn dawn it-tnejn huwa ġej isem il-belt, m’hemm l-ebda dubji dwar kemm għandha ż-żmien il-lokalità tal-Mosta. Bla ebda dubju hija waħda mill-eqdem kolonizzazzjonijiet tal-gżejjer. Insibu evidenza ta’ dan tista’ f’sejbiet arkeoloġiċi li jagħtu xhieda ta’ abitazzjoni sa miż-żmien preistoriku. L-Istorja tal-Mosta kienet imlewna b’episodji ta’ kemm ferħ kif ukoll tbatija. Kienet waħda mill-kolonizzazjonijiet milquta minn kunflitti bħal attakki korsari fil-Medjuevu u fi Żminijiet Moderni Bikrin kif jagħtu testimonjanza ċertu stejjer qodma tal-poplu bħal ‘l-Għarusa tal-Mosta’. Fit-Tieni Gwerra Dinjija il-lokalità esperjenzat attakki oħrajn u anke il-kopla tal-Mosta kienet ġiet milquta minn bomba Ġermaniża.
Leġġenda
[immodifika | immodifika s-sors]Leġġenda marbuta mal-Mosta hija dik ta’ Wied Speranza. Jingħad li meta Malta ġiet attakkata mit-Torok, Marija kienet ħarġet in-nagħaġ għal dawra. X’ħin rathom ġejjin għalijha hi telqet tiġri u staħbiet ġo għar. Hi bdiet titlob lil Madonna tal-Isperanza u f’dak il-waqt kien hemm brimba u bdiet tagħamel għanqbuta fid-daħla tal-għar. Meta ġew il-Torok, ma ħarsux fl-għar għax kienu żguri li ma’ kien daħal ħadd dan għax kieku kienet tqatta l-għanqbuta. La l-Madonna tal-Isperanza salvatilha ħajjietha, Marija ġabet il-permessi u bniet knisja fuq l-għar.
Il-Knisja Rotunda tal-Mosta - Il-Bażilika ta’ Santa Marija
[immodifika | immodifika s-sors]Bħal ma gara f’diversi bliet u irħula f’Malta meta l-popolazzjoni tal-Mosta bdiet tikber sewwa bdiet tinħass il-ħtieġa li titkabbar il-knisja jew li tinbena waħda ikbar. Fil-bidu inqala’ nuqqas ta’ ftehim fuq il-lok li kellha tinbena fih il-knisja l-ġdida. Kienu diversi l-opinjonijiet iżda l-iktar waħda li kellha nies jaqblu magħha kienet li tinbena knisja ikbar minflok il-qadimha. Għalkemm ħafna nies kienu jaqblu li kellha tinbena knisja ġdida iżda kien hemm numru ta’ nies li riedu jsalvaw il-knisja l-qadima u li jinstab lok ġdid biex tinbena l-knisja l-ġdida. Iżda dawk li riedu iżommu l-post eżistenti kienu ħafna iktar numerużi u kien għalhekk li ġie deċiż li l-knisja kellha tinbena fuq l-istess post tal-qadima.
Intaghzlet il-pjanta tal-perit Ġorġ Grongnet de Vasse li kien propona li jibni knisja kbira u tonda madwar il-knisja il-qadima u meta titlesta tinħatt il-knisja l-qadima. Il-pjanta ta’ Grongnet kienet tikkonsisti fi knisja ispirata minn fuq il-Pantheon ta’ Ruma. Fil-bidu inqala ħafna inkwiet u kella tinħatar kummisjoni ta’ periti biex jaraw jekk il-knisja kinitx se tkun mibnija sewwa. Din il-kummissjoni qatata li l-pjanti kienu tajbin u li x-xogħol seta jinbeda. Fit 30 ta’ Mejju 1833 il-Vigarju Ġenerali l-Kanonku Arcidjsknu Dun Salv Lanzon qiegħed u bierek l-ewwel ġebla ta’ din il-knisja tant mistenija. Wara 27 sena jiġifieri fl-1860 il-knisja kienet lesta mill-bini.
Il-Knisja hija ta’ qisien impressjonanti u fiha dijametru minn ġewwa ta’ 118 il-pied filwaqt li fil-fond tal-kappelli d-dijametru u 152 pied. Dan jagħmilha l-ikbar koppla ta’ Malta. L-għoli tal-koppla mill-art huwa ta’ 180 pied. Fuq nett naraw il-lanterna tal-koppla li tlestiet fis-sena 1889 biex b’hekk il-knisja kollha kienet kompluta. Il-Knisja hija sabiħa ferm minn barra kif ukoll minn ġewwa. Mad-dawra l-knisja fiha 8 artali u żewġ sagristiji li għandha huma mill-isbaħ u l-koppla hija ddedkorata b’disinn tassew sabiħ u oriġinali. Il-kwadru ewlieni li juri it-tlugħ is-sema ta’ Marija Santissima huwa xogħol il-Pittura Pasqale Buhagiar li pittru fl-1678. Ġużeppi Hyzler kien irrestawrah fl-1827. Dan kien ġie inkurunat fl-1975 mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fuq digriet tal-Papa Pawlu VI.
F’din il-knisja nsibu bosta xogħlijiet oħra tajbin ferm bħall-kwadru li juri lil qaddisin San Bastjan, San Rokku u Santa Rosalija li qabel kien fil-knisja l-qadima. Dan il-kwadru kien ħallas Dun Ġwann Maria Galea u tpitter minn Erardi. Kwadru ieħor huwa dak li juri ż-żwieġ tal-Madonna li kien tpitter f’Ruma fl-1859 min Ġużeppi Bonnici taħt id-direzzjoni ta’ Minardi. Il-kwadru li juri l-mewt ta’ San Ġużepp huwa xogħol ta’ Salvu Barbara u ħadmu fl-1861. Il-Kwadru li juri l-ħarba lejn l-Eġittu huwa xogħol ta’ Bonnici li ħadmu fl-1866. Ta’ Erardi nsibu l-kwadru tal-Madonna tal-Konsolazzjoni li kien fil-knisja l-qadima u kien tpitter fis-sena 1670.
Ġużeppi Ċali pitter il-kwadri tal-Madonna tar-Rużarju, il-mewt ta’ Santu Wistin, San Duminku jipprietka, il-viżjoni ta’ Santa Monika u dak ta’ Santa Katerina ta’ Avignone. Iżda Ġużeppi Ċali f’din il-knisja żgur li jibqa’ jissemma għall-pittura ta’ xeni mill-isbaħ tal-ħajja ta’ Ġesù li jinsabu mad-dawra tal-Koppla. Taħt kull waħda minn dawn il-pitturi pitter diversi profeti mill-iskrittura.
Il-kwadru tal-konverżjoni ta’ San Pawl flimkien ma’ dawk li juru il-martirju ta’ San Pawl u dan il-qaddis ifejjaq lil misier San Publju huwma kolla xogħol ta’Barbara. Ignajzu Cortis pitter il-kwadri li juru l-Agunijja u d-Difna ta’ Ġesù fil-1869. Ma’ dawn insibu bosta kwadri oħrajn sbieħ ferm li jkomplu jżejnu din il-knisja majestuza. Oriġinalment il-vara titulari kienet xogħol ta’ l-iskultur Mosti Salvu Dimech u kien ħadimha f’l-injam fis-sena 1868. Fis-sena 1948 Ċensu Apap irrinova mill-ġdid u l-intervent kien tant kbir li illum nistgħu ngħidu li l-vara titulari tal-Mosta hija fil-fatt ta’ Ċensu Apap.
Insibu ukoll il-vara tal-Madonna tar-Rużarju qabel ma’ saret il-vara titulari din l-vara kienet tintuża fil-festa titulari ta’ Santa Marija. San Ġużepp hija vara oħra li insibu f’din il-knisja din flimkien ma’ dik tad-Duluri kienu inġiebu minn Marsilja fi Franza. Hawn insibu ukoll sett vari mill-isbaħ tal-Ġimgħa il-Kbira. Ħafna minn dawn il-vari ħarġu minn taħt idejn bħal Karlu Darmanin. Fl-1924 sar il-monument il-ġdid il-korp ta’ Kristu mejjet u l-angli nħadmu mill-Għawdxi, Wistin Camilleri. L-urna ġiet skulturata minn Antonio Agius mill-Birgu.
F’din il-knisja nsibu kustoditi l-fdalijiet qaddisa ta’ San Paċifiku li kien inġieb fil-Mosta mill-Kappillan tal-Mosta Dun Salv Saver Bonnici. Fit-30 ta’ Awissu 1787 l-Isqof Labini ħareġ digriet li bih ta l-permess biex dan seta jinħareġ għall-qima tal-pubbliku. Fl-1913 f’din il-knisja kien sar il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonai li kien ġie organizzat f’pajjiżna.
Fid-9 ta’ April 1942 kien sar fuq Malta wieħed mill-għar attaki mill-ajru li qatt seħħ matul il-gwerra. Kien fl-4.40 minuta ta’ wara nofsinar meta ajruplan ta’ l-għadu xeħet numru ta’ bombi fuq il-Mosta waħda minnhom ġiet fuq il-knisja u taqbet il-koppla. Bid-daqqa ħabtet mall-ħajt u baqgħet sejra għal nofs il-knisja fejn spiċċat ma’ l-art mingħajr ma laqtet lil ħadd min-nies li dak il-ħin kienu qegħdin fil-knisja. B’xorti tajba din il-bomba minkejja li ħabtet kemm-il darba baqgħet ma sploditx u l-Madonna riedet li ma jmut ħadd u lanqas tinqered il-knisja.
Kien għalhekk naturali dak li ġara nhar l-Għid tal-Assunta tal-2015, meta l-Arċipriet Dun Albert Buhagiar għamel it-talba formali lil Mons. Arċisqof biex dan s-Santwarju jingħata t-titlu ta’ Bażilika Minuri. Wara snin ta’ ħidma, il-ħolma ta’ ħafna Mostin seħħet! Kien propju nhar id-29 ta’ Lulju 2018, fi żmien l-Arċipriet Dun Sebastjan Caruana, li Mons. Charles Jude Scicluna, Arċisqof ta’ Malta għolla ‘l dan t-tempju għad-dinjità ta’ Bażilika Minuri. Dan seħħ b’digriet pontifiċju tal-Papa Franġisku li jġib d-data tal-31 ta’ Mejju 2018.
L-arma tal-Mosta turi salib ħamrani fuq sfond tal-fidda – simbolu tal-fidi nisranija, stilla bajda fin-nofs – simbolu tal-Madonna patruna tagħna u ċ-ċirku isfar li jfisser ir-Rotunda. Jgħalaq kollox huwa il-Motto tal-Mosta “Spes Alit Ruricolam” - It-tama tgħajjex lil bidwi. Dan ifakkarna li l-Mosta kien raħal li niesu kienu jgħixu mir-raba’.